Futbol Sport

Ħamrun Spartans iġibu fix-xejn lil Naxxar Lions

(Ritratt: Joseph Galea)

Andrè Muscat

NAXXAR L………………0

ĦAMRUN S…………..4

Naxxar L: M. Debono, N. Micallef, N. Pace Cocks (R. Mercieca 78’), A. Pablo, E. Farias (W. Marcilio 70’),, S. Azzopardi Ayrton, G. Cassar Ryan, J. Ellul (M. De Souza 60’), E. Da Conceicao (D. Falzon 70’), G. Bonanno (M. Fenech 46’), JV. Moura

Ħamrun S: H. Bonello, S. Borg, L. Montebello (E. Domingos 69’), J. Mbong, R. Prsa (E. Da Silva 60’), YR. Nenov, U. Duranovic, O. Bjelicic (R. Camenzuli 60’), N. Krstic, E. Marcelina, JR. Torres (S. Paintsil 69’)

Imwissija: O. Bjelicic 14’ (Ħ), N. Micallef 40’ (N),

Skorjaw: Jonny 9’ (Ħ), L. Montebello 30’, 59’ (Ħ), U. Duranovic 55’ (Ħ)

Referee: Emanuel Grech

Assistenti Referees: James Muscat u Max-Lee Muscat

BOV Plejer tal-Logħba: Luke Montebello (Ħamrun)

Il-Mument Plejer tal-logħba: Luke Montebello (Ħamrun)

Ħamrun mill-ewwel sekondi tal-partita urew li xejn ma kien se jissodisfahom ħlief li joħorġu mill-grawnd bi 3 punti, fejn dak li riedu ħaduh bla wisq tbatija żejda meta ġabu fix-xejn lil Naxxar Lions.

Fl-ewwel azzjoni tal-partit tasal fid-9 minuta, b’Jonny għall-Ħamrun jiżblokka r-riżultat tal-partita għal 1-0 wara li rċieva mill-internazzjonali Malti Luke Montebello. Żewġ minuti wara, il-ftit supporters preżenti tal-Lions jgħajtu gowl wara li bir-ras Edson Farias tefa’ wara Henry Bonello, bir-referee Grech iħassar għal offside. Il-Ħamruniżi jirduppjaw fit-30 minuta, meta din id-darba kien Luke Montebello li minn quddiem Debono ma żbaljax. Fis-36 minuta Montebello prova jagħmel doppjeta personali, iżda sab lil Debono tal-Lions attent, fejn salva b’diffikultà biex l-iskor seta’ jibqa 2-0 favur il-Ħamrun. In-Naxxarin jirrispondu b’azzjoni fis-37 minuta meta il-plejer bin-numru 9, De Carvalho jipprova xutt minn barra l-kaxxa, u dak il-ballun li kien destinat fil-lasta Ħamruniża jiġi mxellef f’corner mill-goalkeeper Bonello. L-ewwel taqsima turi l-qawwa Ħamruniża bit-tim ta’ Luciano Zauri jidħol jistrieħ b’vantaġġ doppju.

Wara bidu tat-tieni taqsima kemm xejn kalma, bl-Ispartans jikkontrollaw il-logħba b’ħafna pusses tal-ballun, sakemm fil-55 minuta ballun minn Marcelina lejn Duranovic dan ta’ l-aħħar jikkontrolla tajjeb u bi ġmiel ta’ lob jitfa’ wara Matthias Debono. Fis-59 minuta il-Ħamruniżi komplew iġibu fix-xejn lil Lions, meta Montebello baqa’ javanza fil-kaxxa, sa kemm tefa’ fix-xibka biex għaqad id-doppjeta personali tiegħu tal-ġurnata. Fil-71 minuta il-Ħamrun kienu viċin li jkabru l-iskor, meta corner ta’ Krstic indirizzat lejn Freitas Da Silva, b’dan ta’ l-aħħar jara daqqa ta’ ras tiegħu salvata minn goaler tal-Lions.

Hekk kif ir-referee Grech safar it-tisfira finali, l-Ħamrun ħarġu bit-3 punti mixtieq mingħajr wisq tbatija kontra t-team ta’ qiegħ il-klassifika Naxxar Lions. Biex b’hekk issa Ħamrun jinsabu b’punti massimi bħal Floriana u Hibernians.

Luke Montebello interċettat minn Joao Vitor Moura (Ritratt: Joseph Galea)