Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-Papa jikkritika lill-industrija tal-armamenti bħala fattur ‘fil-martirju ta’ poplu’

Il-Papa Franġisku, fl-aħħar sigħat, ħareġ bl-aktar kumment sinifikanti s’issa dwar il-gwerra fl-Ukrajna u fejn innota li l-industrija tal-armamenti qed isservi bħala xprun għall-‘martirju’ tal-poplu Ukren waqt il-konflitt mar-Russja.

Fl-istess ħin, il-Papa qal li l-miżerja tal-Ukreni għandha tkompli anki jekk xi pajjiżi tan-NATO jistgħu qed jaħsbu biex ma jipprovdux aktar armamenti lill-qawwiet tal-Ukrajna. Din kienet referenza ovvja għall-Polonja li bħalissa għandha tilwima ma’ Kiev rigward l-esportazzjoni tal-qmuħ mill-Ukrajna

Il-Kap tal-Kattoliċi tkellem b’dan il-mod waqt li kien qed jirritorna lura lejn il-Vatikan minn Marsilja ( fi Franza) u wara li l-media staqsietu l-opinjoni tiegħu dwar l-iżviluppi f’din il-gwerra.

Il-Papa ammetta wkoll li jinsab frustrat bil-fatt li l-inizjattivi diplomatiċi tal-Vatikan mhumiex ikunu daqstant effettivi fir-rigward tal-gwerra. Iżda fl-istess ħin hu enfasizza li wieħed irid iqis l-aġir tal-industrija tal-armamenti bħala fattur ewlieni f’din il-kriżi umana.

Hu tkellem dwar ‘il-paradoss’ li qed iżomm lill-Ukreni fi stat ta’ limbu u meta teżisti sitwazzjoni fejn pajjiż, għall-bidu, jipprovdi l-armi lill-Ukrajna qabel jiddeċiedi f’daqqa biex ma jkomplix jagħti l-għajnuna meħtieġa.

Madankollu, il-Papa – minkejja l-kritika kollha għall-industrija tal-armamenti – anki qed jenfasizza d-dritt tal-pajjiżi biex jiddefendi ruħu kontra l-aggressjoni.