Lokali

Inawgurata statwa ġdida fil-Girgenti

Il-Ħamis filgħaxija ġiet inawgurata l-istatwa ġdida ta’ Kristu qed ibati fil-Girgenti – opra tal-arti li saret mill-iskultur Indri Attard, wara l-ħsarat li ġarbet l-istatwa li kien hemm qabel.

Net News kien preżenti għall-inawgurazzjoni ta’ din l-istatwa l-ġdida, bl-iskultur jispjegalna l-ħsieb wara l-kompożizzjoni tagħha.

Indri Attard semma’ d-dettall li għandha l-istatwa; fuq il-wiċċ hemm demgħa li tirrappreżenta lil Kristu jibki flimkien man-nies li qegħdin isoffru xi tbatija.

U għalkemm l-istatwa hi xi ħaġa statika, hu xorta ried joħrog emozzjonijiet differenti.

Mir-riċerka li għamel, Indri Attard ibbaża l-istatwa fuq ix-xewqa li kellha il-fundatriċi tal-Girgenti Ġuża Mifsud…dik li ssir statwa ta’ Kristu qed ibati.

Għalhekk l-iskultur, flimkien mal-Kumitat tal-Moviment tal-Madonna tal-Konsagrazzjoni, iddeċidew li jagħmlu l-iskultura li turi lil Kristu qed jilqa’ t-tbatija.

Indri Attard saħaq li l-istatwa tikkumplimenta l-ħemda li hemm f’Girgenti, fil-fatt huwa għażel li juża kuluri newtrali li joħolqu bilanċ mal-ambjent antik u naturali … kompatibbli mal-Girgenti.