Edukazzjoni Lokali

Lejn bidu ta’ sena skolastika ġdida

Hekk kif issa dħalna fl-istaġun tal-Ħarifa, is-sena skolastika li jmiss tinsab magħna – b’diversi familji jirritornaw lura għar-rutina ta’ żmien l-iskola.

Minn nhar l-Erbgħa li ġej, ‘il fuq minn 28,000 student u studenta mifruxa mill-ewwel sena tal-Primarja sal-ħdax -il sena tas-Sekondarja se jirritornaw fuq il-bankijiet tal-iskejjel tal-Gvern. Dan filwaqt li l-għalliema – total ta’ 7,712 – jirritornaw fil-post tax-xogħol tagħhom mit-Tnejn li ġej.

L-istudenti tal-Kindergarten jibdew skola mill-ġimgħa ta’ wara. Fil-fatt, fit-2 ta’ Ottubru, 5,942 student fil-livell tal-Kindergarten jibdew sena ġdida ta’ tagħlim.

B’hekk meta l-istudenti kollha jkunu daħlu lura fuq il-bankijiet tal-iskola, jkunu daħlu total ta’ 34,699 student u studenta fl-iskejjel tal-Istat.

Il-Gvern qed jgħid li għal din is-sena skolastika ġew impjegati 275 professjonist ġdid – bejn edukaturi, kindergarten educator u learning support educator. Dan apparti li kienu mġedda wkoll 566 kuntratt ta’ professjonisti oħrajn. Minkejja dan, diversi ġenituri xorta jinsabu imħassba specjalment fejn jidhlu l-LSE, għaliex kull sena – meta tibda l-iskola – ikun hemm diffikultajiet.

Matul din is-sena skolastika se jkun hemm 2,410 rotta ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel, li minnhom 925 huma għal-istudenti tal-iskejjel tal-Istat. Dan ifisser li total ta’ 32,833 student u studenta mil-livell ta’ Kindergarten sas-Sekondarja se jagħmlu użu minn dan is-servizz.