Internazzjonali

Nagorno-Karabakh: Kriżi umana wara l-fażi deċiżiva tal-konflitt

In-Nazzjonijiet Uniti qed tkun imħeġġa biex tibgħat missjoni bil-ħsieb li din issegwi mill-qrib is-sitwazzjoni tal-Armeni-etniċi f’Nagorno-Karabakh. Dan meta l-Armeni etniċi spiċċaw f’sitwazzjoni tassew iddisprata wara l-aħħar konflitt armat mal-Armata tal-Ażerbajġan u fejn is-separatisti spiċċaw iġarrbu telfa kbira.

Id-disfatta tal-Armeni-etniċi tfisser li l-qawwiet Ażeri issa qed jikkonsolidaw il-kontroll fl-artijiet mirbuħa u fost it-taħditiet bejn ir-rappreżentanti tan-naħat avversarji biex jinnegozjaw l-integrazzjoni ta’ Nagorno-Karabakh bħala parti indiskutibbli tal-Ażerbajġan.

Ir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh, li jinsab fin-naħa t’isfel tal-Kawkasu, hu rikonoxxut bħala parti mill-Ażerbajġan anki ħafna miz-zoni tiegħu kienu ilhom l-għexieren tas-snin ikkontrollati mill-Armeni etniċi.

Intant, l-Armenja issa qed twissi dwar il-proprja eżistenza ta’ eluf ta’ ċivili f’Nagorno-Karabakh. Fil-fatt, il-Gvern Armen f’Yerevan u xi pajjiżi tal-Punent jinsabu prekkupati dwar kemm id-drittijiet ta’ dawn in-nies qed ikunu rispettati fid-dawl tal-aħħar żviluppi minn aspett militari u daqatant ieħor uman.

Il-Kapijiet Armeni etniċi, issa, qed jgħidu li eluf ta’ ċivili f’Nagorno-Karabakh ilhom il-jiem mingħajr ikel u kenn anki jekk fl-aħħar sigħat waslet fiz-zona konvoj tal-għajnuna li kienet bagħtet l-Organizzazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, Ir-Russja wkoll qed tgħid li bagħtet l-għajnuna lill-Armeni etniċi iżda din għadha ma waslitx lill-vittmi tal-gwerra.

Fil-konflitt ta’ ftit jiem ilu f’Nagorno-Karabakh kienu mietu talanqas 200 Armeni etniċi –- fosthom numru ta’ ċivili — u waqt li l-militar Ażeri kien qed jaħtaf u jokkupa numru ta’ zoni fir-reġjun.

Fl-istess ħin, kelliema għall-Gvern Ażeri fqegħdin jiċħdu li l-eluf taċ-ċivili qed jiffaċċjaw periklu ‘eżistenzjali’. Dan fost l-istqarrijiet minn Baku dwar ‘pjan biex ir-residenti Armeni etniċi ta’ Nagorno-Karabakh ikunu reintegrati bħala ċittadini tal-Ażerbajġan bl-istess drittijiet daqs ħaddieħor.’

Madankollu, it-tħassib qed ikompli għall-eluf ta’ refuġjati Armeni etnċi – eks residenti tal-villaġġi — li spiċċaw isseparati minn mal-qraba u li issa huma kostretti li jorqdu fil-beraħ viċin tal-ajruport f’Stepanakert; il-belt ewlenija ta’ Nagorno-Karabakh.

L-ajruport qed iservi wkoll bħala bażi għall-qawwiet Russi għaz-zamma tal-paċi u li kienu tilfu talanqas ħames suldati waqt il-battalji intensivi ta’ ġimgħa ilu għall-kontroll tar-reġjun.

Sadanittant, kien ikkonfermat li l-Armenja irċeviet l-ewwel grupp ta’ refuġjati Armeni etniċi mill-konflitt ta’ Nagorno-Karabakh u meta qed tistenna biex tilqa’ aktar minn dawn l-etniċi matul il-ġranet li jmiss.