Futbol Sport

Sliema jiksbu l-ewwel tlett punti b’rebħa fuq Valletta

(Ritratt: Trevor Sollars)

Neil Camenzuli

SLIEMA WANDERERS……..1

VALLETTA………………………..0

Sliema Wanderers: R.Al Tumi, J.Borg, M.Minala, V.Plut (L.Micallef 90′), M.Beerman, G.Alcino, D.Kouao, N.Frendo, E.Acheampong, S.Gomes (E.Agius 80’), A.Awad (K.Abubakar 74’)

Valletta: J.Galea, E.Ruiz, O.Barrientos, A.Ferraris (H.Silas 60’) , S.Dimech,L.Sunsjara (J.Benites 60’), F.Falcone, R.Muscat (B.Paiber 21’) , L.Prestes, J.Vega (A.Quintero 74’),A.Micallef

Referee:Matthew De Gabriele

Assistenti Referee: Jurgen Spiteri, Shaun Calleja

Skorjaw: V.Plut 62’ (S)

BOV Plejer tal-Logħba: E.Acheampong (S)

Imwissija: E.Acheampong 10’ , A.Awad 27’ , M.Beerman 85′ (S) , A.Micallef 22’, A.Ferraris 27’, F.Barrientos 66’ (V)

Tkeċċa: H.Silias 80’ (V)

Fit-Tony Bezzina Stadium partita bilanċjata bejn Sliema Wanderers u Valletta b’dawk ta’ l-ewwel joħorġu rebbieħa bl-iskor finali jkun ta’1-0.

Il-gowl tar-rebħa wasal fit-tieni taqsima permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-attakkant Vito Plut wara l-ewwel taqsima bla gowls.

Bidu tajjeb għal Valletta hekk kif l-ewwel ċans tal-partita wasal wara 2 minuti logħob minn Federico Falcone li ttanta xortih minn barra l-kaxxa bil-goalkeeper Rashed Al Tumi jevita l-periklu tajjeb.

Konklużjoni għolja mill-midfielder ta’ Sliema Geoffrey Acheampong wara 10 minuti logħob.

Il-Wanderers komplew l-attakki tagħhom fuq id-difiża ta’ Valletta hekk kif fit-13 il-minuta xutt mix-xellug ta’ Samuel Gomes irriżulta f’save tajjeb mill-goalkeeper Jake Galea, bl-iskor jibqa 0-0 fl-ewwel mumenti tal-partita.

Sliema għal darb’oħra perikolużi fid-39 minuta minn freekick li wasal minn foul kommess fuq l-attakkant laterali Gomes.  Neil Frendo kien inkarigat mit-tarf tal-kaxxa fuq in-naħa tax-xellug, bil-konklużjoni ċentrali tispiċċa f’idejn Galea.

L-aħħar azzjoni perikoluża tal-ewwel taqsima waslet għal Valletta ftit sekondi qabel tmiem it-taqsima permezz ta’ xutt potenti minn barra l-kaxxa ta’ Omar Barrientos li għadda ftit barra.

Minkejja l-azzjonijiet perikolużi miż-żewġ timijiet, l-iskor wara l-ewwel tlett kwarti baqa’ dak ta’ 0-0.

Sliema stennew sal-55 minuta sabiex ikollhom l-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima, b’Samuel Gomes ikun fiċ-ċentru tal-isforżi tal-Wanderers għal darb’oħra b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa jirriżulta f’korner.

Il-Wanderers ħadu l-vantaġġ tant mistenni fit-62 minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tal-attakkant prolifiku Vito Plut li għola minn fuq id-difensuri ta’ Valletta u xeħet ġewwa bis-saħħa mill-kross preċiż tad-difensur laterali Neil Frendo.

Azzjoni oħra għal Sliema ftit minuti wara l-gowl tal-vantaġġ b’din id-darba minn kontrattakk veloċi ta’ Plut, li jqassam lil Awad li ttanta xortih minn barra l-kaxxa u jagħti d-diffikultà lil Galea, bil-goalkeeper jixħet barra għall-korner.

L-isfortuna kompliet tikber għal Valletta hekk kif spiċċaw jilagħbu l-aħħar 10 minuti b’għaxra hekk kif tkeċċa s-sostitut Hamanjoda Silias hekk intwera t-tieni karta safra tiegħu wara li kkometta foul ikrah fuq Acheompong.

Sliema komplew jiddefendu l-vantaġġ minimu taghħom fl-aħħar mumenti tal-partita sabiex kisbu l-ewwel tlett punti tagħhom fil-kampjonat.