Lokali

Telqa fl-Isptar Karen Grech hekk kif qed jiġi allegat li qegħdin jingħataw mediċini skaduti

Fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ Il-Mument sorsi infurmati li jservu fl-Isptar Karen Grech li allegaw magħna li persuni f’pożizzjoni ta’ responsabbiltà qegħdin jinsistu ma’ infermieri biex ma joqogħdux lura milli jqassmu lill-pazjenti ċerti mediċini li jkunu skaduti.

Mhux biss, iżda qed jirriżulta wkoll li ċerti oġġetti wżati mill-pazjenti, qegħdin jerġgħu jkunu użati… “forsi wara li jitlaħalu ftit”!

Tkellmu ma’ Il-Mument sorsi infurmati li ta’ kuljum iservu fi swali fl-Isptar Karen Grech li teknikament għadu mmexxi minn Steward Healthcare Limited. Qalu li fil-preżent, l-Isptar Karen Grech hu fil-veru sens tal-kelma abbandunat u mitluq.

“Kieku mhux għalina l-istaff li naħdmu b’dedikazzjoni u b’impenn, kieku dan hu sptar litteralment abbandunat u mitluq u l-ġrieden li hemm hemm isfel jitilgħu sas-swali fejn hawn il-pazjenti,” qalu dawn is-sorsi infurmati. “Issa għandna ordni wkoll bil-fomm biex mediċini skaduti nneħħuhom mill-pakkett oriġinali tagħhom fejn ikun hemm id-data tal-iskadenza, u nqassmuhom lill-pazjenti bħallikieku dawk tajbin xorta waħda!


“Din is-sitwazzjoni ma ġratx darba jew tnejn. Issa saret il-prassi li jkollna provisti ta’ mediċini skaduti li
nqassmuhom xorta waħda. Dan apparti li ċerti mediċini oħra huma out of stock,” komplew jgħidu l-istess sorsi.


“U gravi ħafna hu dak li qiegħed jiġri minn ċerti oġġetti li nużaw ta’ kuljum u li s-soltu konna nużawhom darba biss u narmuhom. Issa l-istess oġġett jużawh aktar minn pazjent wieħed! Meta nġibdet l-attenzjoni dwar dan, it-tweġiba kienet… Agħmlu dak li jingħadilkom.”


Qalulna dawn is-sorsi li s-sitwazzjoni fl-Isptar Karen Grech hi waħda ta’ telqa u ta’ nuqqas ta’ interess. Nuqqas ta’ motivazzjonoi kbira filwaqt li x-xogħol qiegħed ikompli jiżdied. Xi drabi povri l-pazjenti anzjani!