Futbol Sport

Bidu mill-aqwa minn Camoranesi u Floriana

(Ritratt: Joseph Galea)

Floriana kisbu t-tieni rebħa minn daqstant logħbiet hekk kif huma għelbu lil Birkirkara b’żewġ gowls skurjati fit-tieni taqsima. Kienet wirja tajba mit-tim immexxi minn Mauro Camoranesi li minn naħa tiegħu wettaq ħames bidliet mill-ewwel partita kontra Santa Lucia. Mill-ewwel logħbiet tal-Greens jidher li hemm skwadra li kapaċi tisfida għall-unuri fejn minbarra li s’issa skurjaw sitt gowls f’żewġ logħbiet, importanti wkoll li żammew żewġ clean sheets. Mill-banda l-oħra wieħed stenna ħafna aktar minn Birkirkara fejn minkejja li kellhom il-mumenti ta’ pussess, ftit kienu effettivi quddiem il-lasta difiża minn Kitanov. Il-kowċ Tedesco beda b’Mariani u Diakite li għamlu d-debutt tagħhom mal-Istripes flok Pepe u Mbong rispettivament.

Kemar Reid jiċċelebra l-ewwel gowl ta’ Floriana kontra Birkirkara (Ritratt: Joseph Galea)

Gowl skurjat erba’ minuti fuq il-ħin regolamentari salva l-partita għal Sirens li kienu resqin lejn it-tieni telfa konsekuttiva. L-avversarji tagħhom Mosta jistgħu jħossuhom sfortunati li ma’ kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun dan peress li għamlu biżżejjed biex jieħdu l-punti massimi. Kienu l-aħjar matul id-90 minuta fejn marru fil-vantaġġ minn penalty tal-veteran Clayton Failla iżda l-gowl ta’ Hinestroza ċaħħadhom mir-rebħa. Huma kienu ġejjin minn draw kontra Gudja filwaqt li t-tim minn San Pawl il-Baħar minn telfa kontra Valletta. Wara dan ir-riżultat iż-żewġ timijiet għadhom qegħdin ifittxu l-ewwel rebħa tal-istaġun. Filwaqt li Mosta jidhru li huwa tim li kapaċi joffri sfida lil kulhadd, mill-banda l-oħra Sirens iridu jitjiebu jekk iridu jevitaw il-problemi aktar ‘il quddiem.

Charles Agyemang ta’ Sirens fl-azzjoni kontra Mosta (Ritratt: Catriel Farrugia)

Ħamrun Spartans kisbu wkoll it-tieni rebħa konsekuttiva dan wara li huma għelbu lil Naxxar Lions bl-iskor ta’ 4-0. Kienet rebħa komda għat-tim immexxi minn Zauri li kif kien mistenni ma’ sab ebda problema sabiex jegħleb lil Naxxar. Fil-fatt hekk kif huma marru fil-vantaġġ wara biss għaxar minuti permezz ta’ Jonny, il-logħba ma’ kien fiha ebda storja. L-Ispartans bdew jibnu attakk wara l-ieħor biex skurjaw żewġ gowls f’kull taqsima. Ħamrun jibqgħu il-favoriti għar-rebħ tal-Kampjonat fejn jidher ċar li t-tim huwa wieħed b’saħħtu ħafna u diffiċli biex tegħleb. Għal Naxxar din kienet it-tieni telfa kbira fejn wara li fl-ewwel partita huwa sfaw megħluba minn Marsaxlokk, waslet telfa oħra kontra ċ-Champions renjanti. Aktar mit-telfa, l-akbar problema hija l-wirja.

Plejers ta’ Ħamrun jiċċelebraw l-ewwel gowl minn erbgħa kontra Naxxar Lions (Ritratt: Joseph Galea)

Logħba li pproduċiet ħames gowls kienet dik li laqqgħet lil Hibernians ma’ Santa Lucia fit-Tony Bezzina Stadium. Rebħa għall-Pawlisti bl-iskor ta’ 3-2 fejn kollox kien qed jindika li din kienet ser tkun rebħa faċli għat-tim immexxi minn Nisevic hekk kif huma ħadu vantaġġ doppju b’żewġ gowls tal-Grieġ Giannis Bastionos kmieni fil-partita. Iżda żewġ gowls fi spazju ta’ erba’ minuti, bejn it-52 u s-56 minuta daħlu mill-ġdid lis-Saints fil-partita. Bħas-soltu s-salvatur tat-tim minn Raħal Ġdid kellu jkun Jurgen Degabriele li skorja l-gowl tar-rebħa, t-tielet gowl tiegħu f’żewġ logħbiet. Għal Santa Lucia din kienet it-tieni telfa konsekuttiva filwaqt li Hibernians żammew ir-rekord ta’ mija fil-mija bit-tieni rebħa tagħhom minn daqstant partiti.

Francisco Celio jilqa’ l-penalty ta’ Rodney Antwi. (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Tasal ukoll l-ewwel rebħa għal Balzan, dan wara li fl-Istadium Nazzjonali għelbu lil Gżira United 1-0. Fl-ewwel logħba t-tim immexxi minn Oliver Spiteri sofra telfa minima kontra ċ-Champions Ħamrun Spartnas iżda fi tmiem il-ġimgħa pattew għal dan hekk kif spiċċaw fuq in-naħa rebbieħa. Għal Gżira din kienet it-tieni telfa minn daqstant logħbiet fejn kif kien previst jidher li dan se jkun staġun twil u diffiċli hekk kif il-klabb għadda minn diversi bidliet u taqlib. Dak li għamlu f’dawn l-aħħar staġuni l-Maroons ser ikun diffiċli biex jirrepetuh. Mill-banda l-oħra prospetti sbieħ għal Balzan fejn komplew fuq l-avventura Ewropea bit-tim iżomm l-istess ritmu.

Aleksandar Katanic ta’ Balzan fl-azzjoni kontra Gżira United (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Rebħa minima iżda mistħoqqa għal Sliema Wanderers fejn b’gowl skurjat minn Vito Plut għelbu lil Valletta. Għall-Blues din kienet l-ewwel rebħa tal-istaġun fejn il-kowċ Paul Zammit għażel li jibda b’difiża ta’ tlieta dan sabiex jikkontrolla l-pjan tattiku tal-avversarji tiegħu. Kienu l-Beltin li kellhom l-aktar mil-logħob matul l-ewwel ħamsa u erbgħin minuta fejn spikkaw għalihom Susnjara u Dimech. Minkejja dan f’xi mumenti Sliema bdew ikunu perikolużi wkoll. Fit-tieni taqsima l-Blues tjiebu u bdew jieħdu aktar l-inizjattiva f’idejhom sakemm wasal il-gowl li ddetermina l-partita. Valletta naqsu li jwettqu reazzjoni xierqa biex il-logħba kompliet tiġihom aktar diffiċli meta ħmistax-il minuta mit-tmiem spiċċaw jilagħbu b’għaxar players. Telfa li l-Beltin iridu jitgħallmu minnha sabiex ikomplu mexjin fit-triq it-tajba.

Vito Plut jiċċelebra l-gowl tar-rebħa għal Sliema kontra Valletta (Ritratt: Trevor Sollars)

Draw ta’ 1-1 bejn Gudja United u Marsaxlokk f’logħba li ntlagħbet fit-Tony Bezzina Stadium u li rriżultat f’waħda bi ftit azzjonijiet u anki b’nuqqas ta’ ideat. Il-gowls waslu t-tnejn li huma fl-ewwel taqsima fejn Gudja fetħu l-iskor kontra x-xejra tal-logħob b’Marsaxlokk jiksbu l-gowl tad-draw eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima. M’Xlokk kienu b’moral għoli wara r-rebħa konvinċenti li huma kisbu fl-ewwel logħba kontra Naxxar. Għal Gudja dan kien it-tieni punt konsekuttiv wara li fl-ewwel logħba huma spiċċaw ukoll fi draw iżda ta’ mingħajr gowls kontra Mosta. Ovjament hemm lok ta’ titjib sew fit-tim immexxi minn Jesmond Zammit fejn dawn iridu jkunu aktar avventurużi u jissugraw sabiex jakkwistaw aktar punti. Mill-banda l-oħra bidu tajjeb għal Marsaxlokk li minn possibiltà ta’ sitt punti kisbu erbgħa.

Abou Toure jiftaħ l-iskor għal Gudja United kontra Mosta (Ritratt: Catriel Farrugia)

INNUTAJNA

LI jkompli l-istaġun pożittiv ta’ Jodi Jones hekk kif fir-rebħa li Notts County kisbu kontra Forest Green bl-iskor ta’ 2-0, il-gowls waslu t-tnejn li huma minn assist ta’ Jones. Notts County li għadhom kemm irritornaw fil-Football League jinsab fl-ewwel post tal-klassifika ta’ League Two.

LI fl-eta’ ta’ 21 sena l-plejer ta’ Santa Lucia Adam Bradshaw skorja l-ewwel gowl tiegħu fil-Kampjonat Premier fil-logħba li t-tim tiegħu lagħab kontra Hibernians nhar is-Sibt li għadda u li huma tilfu bl-iskor ta’ 3-2.

LI minkejja l-iskwadra li għandhom il-kowċ Taljan ta’ Floriana Mauro Camoranesi fost id-diversi bidliet li għamel fit-tim beda bil-plejer Eman Micallef li għalih kienet l-ewwel logħba li beda’ fil-Kampjonat Premier fl-eta’ ta’ dsatax-il sena.