L-Unjoni Ewropea kkundannat bla riservi l-inċidenti ta’ tmiem il-ġimgħa fil-Kosovo fejn numru ta’ pulizija lokali spiċċaw jiġġieldu l-battalji fit-tul ma’ aggressuri Serbi etniċi. L-inċidenti fakkru ħafna fl-azzjonijiet imdemmija li spikkaw matul il-gwerer tas-snin disgħin fil-Balkani u meta bħalissa qed tiddomina tensjoni akuta fit-Tramuntana tal-Kosovo li l-indipendenza tagħha mhix rikonoxxuta mis-Serbja.
Josep Borrell, il-Kap responsabbli mill-politika barranija tal-Unjoni Ewropea, qal li wieħed bl-ebda mod ma jista’ jaċċetta dan l-attakk ‘terribbli’ mill-aggressuri, x’aktarx li eks-paramilitari, waqt li insista biex issir il-ġustizzja mal-persuni responsabbli mill-attakk li ħalla erba’ mejtin – uffiċjal tal-pulizija u tlieta mill-aggressuri.
L-inċidenti laħqu l-qofol waqt assedju tal-pulizija fuq monasteru għas-Serbi Ortodossi fil-villaġġ ta’ Banjska u wara li daħlu fih il-gruppi tas-Serbi etniċi armati. Il-Prim Ministru tal-Kosovo, Albin Kurti, wara, akkuża lis-Serbja bħala s-sostenitur ta’ dawn l-armati u spjega li dawn kienu ‘iffinanzjati u motivati mill-Gvern ta’ Belgrad’.
Iżda waqt li l-Gvern tal-Kosovo enfasizza li s-Serbja qed tmexxi politika ‘terroristika’ fil-konfront ta’ pajjiżu, il-President tas-Serbja, Aleksandar Vucic, insista li l-uffiċjali tal-Kosovo għandhom jinżammu responsabbli għall-inċidenti mdemmija tal-Ħadd f’Banjska.
Vucic, filwaqt li kkonferma li tlieta fost il-maqtula fil-battalji kienu Serbi tal-Kosovo, qal li Albin Kurti ‘għen jixpruna t-tensjoni wara xhur ta’ provokazzjonijiet’. Il-President Serb esprima dispjaċir għall-qtil tal-uffiċjal tal-pulizija tal-Kosovo iżda fl-istess ħin, akkuża lil Kurti ‘dwar pjan biex idaħħal lis-Serbja fi gwerra mal-Alleanza tan-NATO.’
Il-Gvern Serb qed jgħid ukoll li t-telf tal-ħajja fil-ġlied tal-Ħadd seta kien evitat li kieku intervjenew il-qawwiet għaz-zamma tal-paċi tal-KFOR residenti fil-Kosovo.
//= $special ?>