Lokali

Raġel deportat lejn in-Niġerja wara li skonta sentenzi ta’ ħabs b’rabta ma’ importazzjoni ta’ droga fost oħrajn

Fi tmiem il-ġimgħa, raġel ġie deportat lejn in-Niġerja wara li skonta sentenzi konsekuttivi ta’ ħabs f’Malta b’rabta ma’ importazzjoni ta’ droga u feriment ħafif ta’ uffiċjal korrettiv.

B’ordni ta’ ritorn, huwa ġie deportat taħt arrest minn Malta b’skorta san-Niġerja permezz ta’ titjira. Għal din l-operazzjoni, il-Pulizija kienu assistiti mis-Servizzi tad-Detenzjoni. Minbarra rritorn, inħarġet ordni biex din il-persuna qatt ma tista’ tirritorna lejn Malta.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li din l-operazzjoni tingħaqad ma’ diversi operazzjonijiet oħrajn li saru fl-aħħar xhur fejn il-Pulizija ta- Immigrazzjoni wettqet operazzjonijiet ta’ ritorn ta’ dawk il-persuni li m’għandhomx jibqgħu jgħixu f’pajjiżna, inkluż dawk li jkunu skontaw sentenzi ta’ priġunerija wara li nstabu ħatja mill-Qorti.

Il-Korp tal-Pulizija, b’mod speċjali t-taqsima tal-immigrazzjoni, ser jibqa’ viġilanti ma’ dawk li jwettqu atti kriminali f’Malta u jibqa’ impenjat li jwettaq operazzjonijiet simili skont l-bżonn.