Lokali

STUDJU: Il-profitti tal-istabbilimenti qed jittieklu kompletament

“Hemm min qed idaħħal biss €2.90 ma’ kull €100 bejgħ”

Il-medja ta’ profitti li jagħmlu l-istabbilimenti tal-catering wara t-taxxa  u li għandhom il-post bil-kera, eskluża l-VAT…huwa fil-livell ta’ 2.9%.

Dan ħareġ minn studju ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilmenti tal-Catering fejn dan prattikament ifisser li dawn in-negozji, għal kull €100 bejgħ qed jagħmlu biss €2.90 qliegħ.

Ippreżentat mill-ACE fil-binja tal-Kamra tal-Kummerċ fil-Belt Valletta dan l-istħarriġ kompla juri kif, eskluża t-taxxa tal-VAT mill-bejgħ, fil-każ tal-imprendituri li huma sidien tal-proprjetà tagħhom….in-nefqa titla għal 94.1% – illi jfisser li l-profitt kalkulatt huwa ta’ 5.9%

L-akbar nefqa hija f’dik li għandha x’taqsam pagi, segwita minn xiri ta’ materja prima. Iżda ġiet innotata wkoll nefqa addizzjonali fuq ix-xorb, nefqa fid-deliveries, nefqa fil-kirjiet u burokrazija finanzjarja.

Dan kollu jfisser piż wieħed wara l-ieħor fuq l-industrija, li dawk attivi fiha qed jistaqsu lilhom infushom għadhiex waħda sostenibbli.

Net News tkellem mal-Viċi President tal-ACE, Matthew Pace illi saħaq li n-nefqa u l-inflazzjoni hija inkwetanti ħafna.

Net News staqsa wkoll lill-Ministru Clayton Bartolo dwar dawn iċ-ċifri ta’ tħassib li jwasslu għal diversi mistoqsijiet, partikolarment x’inhu jagħmel il-Gvern biex jgħin lil din l-industrija…bil-Ministru joffri soluzzjoni għalihom u għan-nefqa tagħhom billi propona li għandhom ikunu kreattivi fil-menu fost oħrajn billi jintroduċu s-soppa tal-armla.

Dawk preżenti għal din il-preżentazzjoni staqsew fejn qed tmur iż-żieda fin-nefqa tat-turisti għaliex mill-esperjenza tagħhom dawn qed jonfqu flushom fil-lukandi all inclusive u mhux fl-istabbilimenti lokali tal-madwar; madanakollu Barotlo xejjen dan il-kumment.

Il-Ministru insista li l-Gvern qed jiġbed lejn Malta turisti ta’ kwalità minkejja li bosta Maltin u Għawdxin, inkluż nies esperti fl-industrija u ankè rivisti barranin, qed juru kif pajjiżna qed isir mekka ta’ tbaħrit, xorb u drogi – ideali għal vaganza irħisa.

Jieħdu sehem fid-diskussjoni organizzata mill-ACE kien hemm ukoll id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Ivan J Bartolo kif ukoll Mario de Marco.

B’Bartolo jisħaq li tagħmel ħafna sens li l-VAT għal dawn l-istabbilimenti tonqos filwaqt li insista dwar l-importanza li nżommu għajnejna fuq is-sostenibilità tas-settur għaliex dan huwa wieħed li jaffettwa lis-setturi kollha in ġenerali. Dan filwaqt li Mario de Marco spjega kif dan is-settur huwa parti integrali mill-ekonomija tal-pajjiż u appella għal aktar koordinazzjoni bejn l-industrija tal-catering u s-setturi oħrajn li jagħġnu l-ekonomija Maltija; partikolarment dawk li jaqgħu taħt il-kappa turistika.