Il-futboler li kien jilgħab fil-kampjonat Malti li issa hu rtirat Sunday Eboh ġie kundannat tliet snin ħabs u mmultat €20,000 wara li nstab ħati, flimkien ma’ sieħbu Niġerjan ukoll Tony Ogbonna talli kien parti minn skema ta’ frodi romantiku li swiet total ta’ €58,700 lil armla Maltija anzjana. L-avukati tal-irġiel infurmaw lill-Qorti li kienu se jappellaw mis-sentenza. Ogbonna ġie kundannat 28 xahar.
Eboh irid jrid iħallas lura l-flus għad-danni li kkommetta lill-vittma filwaqt li ż-żewġt irġiel iridu jħallasu l-ispejjeż tal-Qorti li jammontaw għal €2,572 kull wieħed. Eboh kien lagħab ma’ diversi teams fl-aħħar 20 sena, fosthom ma’ Marsa, Birkirkara, Floriana, Marsaxlokk, Naxxar and Pembroke. Huwa rtira mill-logħba tliet snin ilu. Eboh, Collins Eguavoen, Marvis Iyeke u Tony Ogbonna, kollha min-Niġerja, kienu ġew arrestati fl-2021, flimkien maċ-ċittadina Maltija Alexandra Pace. Is-sentenza li ngħatat it-Tnejn sabet ukoll lil Pace ħatja biss li għamlet dikjarazzjoni falza lil awtorità pubblika u li kienet reċediva. Hija ġiet immultata €200.
Eguavoen u Iyeke kienu wieġbu ħatja fi stadju aktar bikri tal-proċeduri u t-tnejn ingħataw sentenzi ta’ sentejn, sospiżi għal erba’ snin, kif ukoll multi ta’ €14,292 u €20,000, rispettivament. Aktar tard ġew imħarrka u kienu xehdu fil-proċeduri kontra l-oħrajn.
Il-Pulizija qalet li l-vittma, anzjana Maltija, kienet sfat vittma ta’ din il-frodi wara li nġibdet f’relazzjoni online ma’ dak li ħasbet li kien suldat Amerikan skjerat fl-Afganistan. Is-suldat suppost kien se jirritorna Malta ladarba spiċċa l-iskjerament tiegħu.
Hu kien qalilha storja dwar ċertu “Tony Montana” li Eboh sostna li ltaqa’ miegħu f’ħanut f’Buġibba. Tony kien allegatament talab permess lil Eboh biex juża l-kont tiegħu sabiex jirċievi €7,000 mingħand it-tfajla tiegħu.
Il-pulizija kienet irċeviet rapport mingħand bint il-vittma, fis-sens li ommha kienet qed tiċċettja ma’ xi ħadd fuq Facebook bl-isem ta’ Smith Jones. Smith Jones qal lill-vittma li kien ċittadin Amerikan u li kien suldat skjerat fl-Afganistan.
Sussegwentement, Smith Jones talab lill-vittma għan-numru tal-mobile tagħha u bdew iċċettjaw fuq Whatsapp. F’ħin minnhom qal lill-vittma li kien se jagħtiha pakkett iżda qalilha li kellha tħallas biex dan jitwassal. Qalilha wkoll li kienet se tirċievi €45,000 flimkien ma’ ċertifikat li jiswa €1,000,000.
Jones ipprovda lill-vittma diversi numri tal-kontijiet bankarji Maltin flimkien ma’ dettalji tas-sidien ta’ tali kontijiet. Eventwalment, il-vittma ttrasferixxit l-ammonti mitluba minn Jones. Wara li għamlet l-ewwel ħlas, Smith Jones kompla jitlob lill-vittma biex tittrasferixxi aktar fondi.
Bint il-mara ffrodata qalet lill-Qorti li ommha ttrasferiet total ta’ €58,700. Minn din is-somma, €10,000 ġew trasferiti lura lilha għax meta kienet għamlet il-ħlas kif mitlub mill-istess raġel, aktar tard identifikat bħala Shamson Alamu, kien ċemplilha, fejn sostna li taha d-dettalji bankarji żbaljati. Il-vittma mbagħad kienet marret il-bank u talbet it-treġġigħ lura tat-trasferiment.
Il-qorti nnutat li Eboh naqas milli jagħti spjegazzjoni kredibbli ta’ kif kien daħal fil-pussess tal-flus. Il-qorti qalet li ma kellha ebda dubju li Eboh “kien jaf wisq sew il-provenjenza ta’ fondi bħal dawn. L-evasività tiegħu mal-bank jittradixxi kull ċans li ma jkunx jaf min fil-fatt poġġa dawk il-fondi fil-kont tiegħu, mhux darba iżda f’żewġ okkażjonijiet separati. Mitlub jirritorna l-bank b’dikjarazzjoni u b’xi tip ta’ evidenza biex jispjega l-provenjenza tagħhom, ma kienx jidher,” qal il-maġistrat.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech osservat li l-istil ta’ ħajja li kien qed imexxi Sunday Eboh, kirjiet, ħlasijiet għall-manteniment u vaganza barra mill-pajjiż “ma kienx konformi mad-dħul legali tiegħu.”
Il-Qorti qalet li mhux biss kien jeżisti disinn komuni bejn Eboh, Ogbonna Anuforo u oħrajn, iżda li ż-żewġ imputati kienu “ko-parteċipanti materjali u ko-awturi fir-reat ta’ ħasil ta’ flus kif ukoll immaniġġjar ta’ oġġetti misruqa – għalkemm fir-rigward ta’ Tony Ogbonna biss bħala attentat.
Meta Ogbonna Anuforo naqas milli jikkonvinċi lil Alamu biex iżomm l-€10,000, kien ukoll in-numru tal-kont ta’ Eboh li ġie kkomunikat lill-vittma sabiex jittrasferixxi fih il-fondi maqluba, innotat il-qorti. “L-atti ta’ dawn l-individwi depravi li huma inumani, bla qalb u nieqsa minn ċivilità jistgħu wkoll jitqiesu bħala li jammontaw għal ħasil ta’ flus, minkejja li r-reat kien sempliċement attentat minħabba l-fatt li, kif diġà osservat hawn fuq, attentat, kif wara kollox inhu. kompliċità, huma meqjusa li jikkostitwixxu atti ta’ ħasil ta’ flus fihom infushom.”
“Iż-żmien, minflok ma serva biex itaffu d-determinazzjoni tagħhom u jaħsbu mill-ġdid kif kienu waslu biex iġorru mara anzjana innoċenti għal ħajjithom, serva biss biex issaħħaħ id-determinazzjoni rivolta u diżgrazzja tagħhom.” Għal Pace dehru l-avukati Franco Debono u Francesca Zarb. L-avukati Charles Mercieca u Joe Mifsud irrappreżentaw lill-akkużati l-oħra.