Żagħżugħ ta’ dixxendenza Maltija li stupra żewġ teenagers tfajliet u ttortura raġel ieħor fl-Awstralja ġie kkundannat 22 sena ħabs għar-reati vjolenti – hekk kif iż-żewġ vittmi nisa separati ffurmaw rabta unika u saru ħbieb matul il-każ.
Josh Vassallo ġie kkundannat fil-Victoria County Court – f’Melbourne, għar-reati, li l-Imħallef Helen Syme ddeskriviet bħala ‘atti krudili u egoisti’.Iż-żewġ vittmi ltaqgħu l-Qorti għall-ewwel darba waqt il-ġuri ta’ Vassallo.
“Għandna lil xulxin issa, iġġieldna l-battalja flimkien u għamilniha,” qalet waħda mill-vittmi. Kylee kienet stuprat mir-raġel li llum għandu 27 sena fl-2019, wara li saq lit-tfajla, li dak iż-żmien kellha 14-il sena bil-karozza tiegħu lejn riserva f’Point Cook, fil-Lbiċ ta’ Melbourne.
Vassallo qabad lil Kylee minn darha aktar kmieni dak il-lejl qabel qalilha li kien se jeħodha sal-McDonald’s. Wara li saqha lejn ir-riżerva bil-karozza tiegħu, iż-żagħżugħa mill-ewwel bdiet ixxomm il-periklu u pprovat taħrab iżda ma setgħetx iżomm lil Vassallo u spiċċat mkaxkra mill-għekiesi, u imġiegħla tidħol lura fil-karozza fejn spiċċat stuprata. Iktar tard irnexxielha taħrab u ġriet lura d-dar.
F’Novembru 2020, Vasallo stupra żagħżugħa oħra li ltaqa’ magħha permezz ta’ ħabib komuni. Vassallo qabad lill-vittma ta’ 15-il sena u tfajla oħra minn ikla tal-familja f’Port Melbourne, qabel ma ddrogaha bil-GHB (dipressant tas-sistema nervuża, li bih jaqbdek in-ngħas, u jnaqqas ir-rata tan-nifs u tal-qalb).
Wara li saq madwar is-subborgi tal-punent ta’ Melbourne għal erba’ sigħat, hu waqqaf lit-tfajla l-oħra lura d-dar, qabel stupra lit-tfajla ta’ 15-il sena qabel ma ntilfet minn sensiha minħabba d-droga li kien ta. Iktar tard hu pparkja l-karozza f’ċentru kummerċjali f’Werribee u mar jixtri xi bziezen, u ħalla l-vittma tiegħu mitlufa minn sensiha msakkra ġewwa l-vettura.
Vassallo ħataf u ttortura wkoll raġel, wara li talbu biex jirranġa l-karozza tiegħu. Ir-raġel ġie msawwat minn Vaasallo b’ħadida u spiċċa mbuttat għal ġo toilet qabel ma ġie mġiegħel jiekol ikel tal-klieb. Vassallo, li kien diġà l-ħabs fuq akkuża mhux relatata, kien ipprova jhedded xhud biex tbiddel l-evidenza tagħha dwar l-akkuża ta’ stupru tiegħu.
Huwa kien qal lil sieħbu fiċ-ċella miegħu, li kien wasal biex jinħeles, biex jagħti ittra lil ħabib tiegħu (ta’ Vassallo), biex jhedded xhud bi skambju ta’ flus. L-Imħallef Syme qalet li l-azzjonijiet ta’ Vassallo għamlu ħsara lill-vittmi vulnerabbli tiegħu. “L-offiża tiegħek ħalliet impatt profond fuq il-ħajja tal-vittmi u l-familji tagħhom,’ qalet l-Imħallef Syme lil Vassallo.
‘L-impatt huwa sinifikanti u xi drabi ta’ ċertu kobor. Kull vittma kellhom ħajjithom irrevokabbilment mibdula għall-agħar bl-atti krudili u egoisti tiegħek.’ Vasallo se jkun eliġibbli għall-parole fi żmien 14-il sena.