Lokali

L-ogħla uffiċjali tal-Labour ma jiċħdux li Silvio Grixti għadu membru tal-Partit Laburista

Qed ikun ta’ għajb li t-tmexxija tal-Labour qed titfa’ l-ħmieġ fuq ħaddieħor, iżda ma tweġibx għal dan is-serq u l-frodi li qajjem rabja kbira fost il-poplu Malti u Għawdxi kollu - PN

Il-President tal-Labour u d-Deputat Mexxej ma ċaħdux li t-tabib Silvio Grixti għadu membru tal-Partit Laburista. Dan wara li ismu kien wieħed mill-ismijiet prinċipali implikati fis-serq mill-benefiċċji soċjali – serq ta’ miljuni li fih qed jissemmew Kastilja u l-Partit Laburista stess. Tant li wieħed mid-deputati tiegħu, Silvio Grixti, kien jiffalsifika dokumenti biex persuni jingħataw il-benefiċċju tad-diżabbiltà.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, kemm Ramona Attard kif ukoll Daniel Micallef naqsu milli jwieġbu għad-domanda jekk Grixti għadu membru tal-partit. Dan minkejja li l-Pulizija ilhom sentejn sħaħ jinvestigawh, minn mindu irriżenja mill-Parlament.

Kemm il-President tal-Labour kif ukoll id-Deputat Mexxej kienu pressati minn domandi ripetuti sabiex iwieġbu jekk it-tabib Grixti għadux membru tal-Partit Laburista; iżda ħadd minnhom ma wieġeb il-mistoqsijiet.

U meta l-ġurnalisti ippersistew bl-istess domanda, Ramona Attard u Daniel Micallef qamu minn posthom u telqu ‘l barra.

It-tmexxija tal-Labour taħrab mill-frodi li ħolqu huma stess

Intant, il-PN fi stqarrija qal illi hu ta’ għajb kbir li t-tmexxija tal-Labour, minflok indirizzat il-frodi li nħolqot mil-Laburisti stess, ħarbet milli twieġeb id-domandi tal-ġurnalisti dwar is-serq mill-benefiċċji soċjali.

It-trasparenza hi l-ewwel pass biex tinħareġ il-verità kollha dwar l-involviment ta’ membri fi ħdan il-Labour f’dan il-frodi u s-serq.

Kull ma jmur aktar qed ikun ta’ għajb li t-tmexxija tal-Labour qed titfa’ l-ħmieġ fuq ħaddieħor, iżda ma tweġibx għal dan is-serq u l-frodi li qajjem rabja kbira fost il-poplu Malti u Għawdxi kollu.