Sport Sport Ieħor

Ibburdjar: Yachting Malta fil-Cannes Yachting Festival

Kien debutt b’suċċess għal Yachting Malta fil-Cannes Yachting Festival.

Cannes Yachting Festival, li f’Settembru ta’ kull sena fir-Riviera Franciża, huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar wirjiet famużi u influwenti fl-industrija marittima. Dan l-avveniment jiġbed folla internazzjonali, li fih wirja impressjonanti ta’ jottijiet lussużi, dgħajjes tal-qlugħ, u bil-mutur.

Il-parteċipazzjoni ta’ Yachting Malta tenfasizza l-importanza, li dejjem qeda tikber, ta’ Malta bħala destinazzjoni tal-jottijiet. Dan il-festival ġibed l-attenzjoni ta’ Yachting Malta, li kienu diġà appoġġaw il-parteċipazzjoni tas-Superyacht Industry Network Malta fl-2019 billi għenu fit-twaqqif tal-istand tagħhom.

Fil-Cannes Yachting Festival ma’ Yachting Malta ingħaqdu wkoll il-Malta Ship Registry, Visit Malta u s-Super Yacht Industry Network.

Minbarra dawn it-tliet entitajiet, Yachting Malta kkollaborat ma’ disa’ organizzajonijiet oħra tal-industrija. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Yachting Malta Michael Mifsud enfasizza l-benefiċċji numerużi tal-parteċipazzjoni fil-Cannes Yachting Festival, u enfasizza l-importanza strateġika tal-preżenza hemmhekk peress li pprovda lil Yachting Malta b’opportunità unika biex tgħolli l-preżenza tagħha fix-xena globali, tattira investimenti, u tippromwovi Malta bħala destinazzjoni ewlenija tal-jottijiet.