Lokali

Il-kumpens għall-qtugħ fis-servizz tad-dawl hu dritt – PN

Il-Gvern għandu jagħti bi dritt kumpens xieraq u jsir l-investiment meħtieġ fid-distribuzzjoni biex ma jkollniex aktar ‘blackouts’. Dan intqal minn Mark Anthony Sammut, il-Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża.

Il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ġimgħat appella biex dawk affettwati mill-‘blackouts’ tad-dawl matul is-sajf jirċievu kumpens xieraq u denju.

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-fatt li t-talba tiegħu biex dawk affettwati mill-‘blackouts’ tad-dawl fis-sajf jirċievu kumpens. Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li din il-forma ta’ kumpens għandu jkun wieħed awtomatiku u li jingħata bi dritt u mhux jistrieħ fuq il-bona volonta tal-Gvern.

Hu r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma li għandu jimponi lill-Enemalta, bħala l-operatur, li tagħti din il-forma ta’ kumpens awtomatiku għal kulmin isofri interruzzjoni ta’ servizz għal aktar minn sitt sigħat, kif isir fil-pajjiżi Ewropej l-oħrajn u kif ippropona l-Partit Nazzjonalista ftit ġimgħat ilu.

Il-Gvern għandu wkoll ikun ċar u jgħid jekk dan il-kumpens hux se jkun qed jinħareġ dirett mill-Gvern, jew jekk hux se jkun qed jinħareġ mill-Enemalta, li hi l-operatur tas-servizz li terz tal-ishma tagħha huma ta’ Shanghai Electric.