Lokali

Il-piż tal-prezzijiet: iridu bidla fil-mudell ekonomiku

‘Step up Act Now’ – dan hu t-titlu magħżul mill-Kamra tal-Kummerċ meta t-Tlieta filghodu preżentaw id-dokument ta’ qabel il-budget. Dokument li għandu ‘il fuq minn 250 proposta.

Matul din il-preżentazzjoni intqal li hemm bżonn ta’ reviżjoni f’diversi setturi, u kien għalhekk li propju intagħżel dan it-titlu għad-dokument sabiex il-Gvern b’mod immedjat jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji ħalli pajjiżna jibda miexi fid-direzzjoni t-tajba. Dan apparti li nibqgħu kompetittivi u tiġi indirizzata wkoll id-daqqa tal-għoli tal-ħajja.

F’kummenti ma’ Net News il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli qalet li kien hemm ħsieb kbir wara dawn il-proposti.

Waqt il-preżentazzjoni ġew imressqa proposti varji; fosthom li l-COLA m’għandiex tkun intaxxata, il-bżonn li jkun hawn liberalizzazzjoni fid-distribuzzjoni tal-enerġija, li jkollna linja nazzjonali tal-arju li wieħed jista’ jorbot fuqha b’titjiriet affordabbli, li jinħoloq reġistru tal-kuntratti li jista’ jkun aċċessibli mill-pubbliku, li nżommu pajjiżna nadif, li nikkontrollaw il-problema tal-iskart fost ħafna proposti oħra. Kollha suġġetti li anke l-PN ilu xhur shah jitkellem dwarhom.

Il-Kamra tal-Kummerċ saħqet li hemm bżonn li jinbidel il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna u jkollna mudell ekonomiku li jiffoka fuq il-well-being tan-nies flok mudell ekonomiku li jkompli jkabbar il-popolazzjoni ta’ pajjiżna.

Barra minn hekk, il-Kamra tal-Kummerċ aċċennat fuq l-importanza ta’ governanza tajba. Dan filwaqt li l-Gvern għandu bżonn ikun aktar dinamiku u jifhem aktar ir-realtajiet tan-nies.

Waqt il-preżentazzjoni l-Kamra tal-Kummerċ qalet li l-ħaddiema li jaħdmu mal-Gvern ma jistgħux jibqgħu jaħdmu nofs ġurnata matul l-istaġun tas-sajf għaliex dan qed joħloq ħafna aktar problemi għan-negozji.

Il-Kamra tal-Kummerċ appellat għal azzjoni immedjata fuq problemi li ilhom jaffettaw lil pajjiżna għal numru ta’ snin sabiex ikun hawn aktar effiċjenza fl-awtoritajiet …filwaqt li l-poplu Malti u Għawdxi jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.