Ambjent

Cyrus Engerer jaqbel mal-proposta tal-PN li l-ambjent isir dritt fundamentali

L-MEP Laburista Cyrus Engerer jaqbel mal-proposta Ii ressaq aktar kmieni din is-sena l-Partit Nazzjonalista li l-ambjent ikun protett bħala dritt fundamentali tal-bniedem.

Waqt intervent li għamel fil-programm Xtra Sajf li jixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali, Cyrus Engerer qal bl-iktar mod ċar li l-ambjent ta’ pajjiżna għandu mill-iktar fiss ikun protett bl-aktar mod sħiħ fil-liġi – xi ħaġa li l-PN ilu xhur sħaħ jimbotta ‘l quddiem. 

Engerer spiċċa wkoll jattakka lill-Gvern Laubrista meta qal li sal-lum il-ġurnata l-ambjent f’pajjiżna mhux jingħata l-prijorita li tixraqlu mill-Gvern ta’ Robert Abela, fejn fost l-oħrajn semma’ l-każ ta’ Ħondoq ir-Rummien.

Semma wkoll kif bosta sindki qed jispiċċaw jaħdmu u jistinkaw waħedhom konta l-kurrent biex jipproteġu lil-lokalità tagħhom u jiddefendu l-ambjent mill-qerda li qed jippermetti l-Gvern.

F’Ġunju li għadda l-Partit Nazzjonalista preżenta Abbożż ta’ Liġi biex jintroduċi d-dritt tal-bniedem għal ambjent nadif, san u sostenibbli, fejn ippubblika dokument b’linji gwida ta’ xi jfisser dan l-Abbozz; dokument bl-isem “L-Ambjent: Nagħmluh Dritt Malti”.

L-iskop wara din l-emenda hu sabiex id-dritt għall-ambjent san jingħata li kull Malti u Għawdxi. Dan filwaqt li iċ-ċittadin ikollu d-dritt li jżomm lill-Istat responsabbli għad-deċiżjonijiet li jħallu impatt ħażin fuq l-ambjent – bl-iskop li jkun hemm anke prevenzjoni ta’ deċiżjonijiet li ma jkunux favur l-interess pubbliku.