Lokali Qorti

Mhux ħati li biegħ mozzarella kontaminata

Taljan ta’ 36 sena minn Bari u li f’Malta jgħix fis-Swieqi u li huwa sid ta’ kumpanija tal-ikel ma nstabx ħati mill-Maġistrat Noel Bartolo li tliet snin ilu kien qed ibigħ mozzarella kkontaminata. Il-Qorti qalet li l-mozzarella kienet impurtata minn Sqallija u mhux magħmula mill-akkużat u għalhekk hu ma kellu l-ebda tort.

Il-prosekuzzjoni kienet qed tipproċedi fil-konfront ta’ Maurizio Napoletano, li qalet l-ikel ikkontaminat instab waqt spezzjoni li saritlu fiż-żona industrijali ta’ San Ġwann fit-23 ta’ Lulju tal-2020. L-ispezzjoni kienet saret minn żewġ uffiċjali tas-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa u minn tnejn oħra tas-Servizzi Veterinarji, b’rabta ma’ suspettati każi ta’ avvelenament b’ikel ikkunsmat f’ħanut tal-kafè li jinsab fi Triq it-Torri, f’Tas-Sliema.

Fil-mozzarella, l-uffiċjali sabu l-Listeria monocytogenes (tip ta’ mikrobi li jattakka l-prodotti tal-ħalib). Napoletano kien importa 30 pakkett, ta’ kilo ‘l wieħed. 20 minnhom kienu diġà tqassmu, filwaqt li l-10 pakketti l-oħra kienu għadhom qed jinżammu fil-kesħa.

Il-Qorti rriżultalha li l-mozzarella ma kinitx saret mill-akkużat. Huwa kien impurtaha mingħand kumpanija tal-ikel ibbażata f’Palermo u għalhekk il-Maġistrat Noel Bartolo irraġuna li l-mozzarella ġiet ikkontaminata qabel ma ddaħħlet f’Malta.  Tenna wkoll li l-importazzjoni ta’ dan il-ġobon kien ġej minn pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.

Mill-provi rriżulta wkoll li l-prodotti ġew importarti f’Malta issiġillati u li b’hekk l-akkużat ma kienx obbligat li jwettaq testijiet fuqhom. L-evidenza wriet li mhux talli l-imputat ma kienx jaf li kien hemm oġġett li f’dan il-każ kien f’pakkett ta’ ħaxix ġej mill-Olanda. Il-prosekuzzjoni xlew lil Napoletano wkoll li kien qed ibigħ prodotti tal-ikel mingħajr tabella fuqhom. Huwa nstab ħati ta’ din l-akkuża u ġie mmultat €465.58.