Sewwieq tat-taxi li llum għandu 69 sena, ġie illiberat fuq każ li seħħ ħames snin ilu meta kien qed jiġi akkużat li weġġa’ serjament tifel f’inċident tat-traffiku f’Pembroke wara li l-Maġistrat Yana Micallef Stafrace sabet li Raymond Caruana residenti l-Gżira ma kienx qed isuq b’veloċità jew bi traskuraġni u li t-tifel seta’ ħareġ f’daqqa fit-triq bejn xi karozzi.
L-inċident seħħ fil-5 ta’ Diċembru 2018 fi Triq Walter Ganado meta t-tifel, Jean Paul Sultana, intlaqat minn taxi misjuqa mill-akkużat. It-tifel kien qed jaqsam it-triq u mad-daqqa sofra ġrieħi serji f’diversi partijiet ta’ ġismu iżda minn dakinhar irkupra kompletament.
It-tifel kien sostna li qasam permezz tat-traffic lights, talba kkontestata mis-sewwieq. Il-Maġistrat Micallef Stafrace osservat li ritratti meħuda fuq il-post tal-inċident irriżultaw li l-karozza kienet diversi metri ‘l bogħod mit-traffic lights.
Fis-sentenza tagħha qalet li ma kienx hemm prova li t-tifel kien qed jaqsam it-triq billi uża t-traffic lights. In-nuqqas ta’ marki tal-brejkijiet jew ħsarat serji fil-karozza wrew li s-sewwieq ma kienx qed isuq bi speed eċċċessiv u ma jistax jiġi eskluż li t-tifel qasam it-triq f’daqqa bejn il-karozzi, u ħoloq inċident inevitabbli.
It-tabib Malcolm Caruana, konsulent fl-emergency medicine, qal li huwa kien eżamina lil Jean Paul Sultana
u tenna li l-ġriehi kienu jikkonsistu fi tbenġila fuq in-naħa tal-lemin tar-ras, brix fuq in-naħa tax-xelluq tal-wiċċ (u li t-tifel kellu uġiegħ fuq iż-żaqq fuq in-naħa tal-lemin.
Ġarrab ġrieħi ukoll fuq il-koxxa tal-lemin. Kellu brix fuq l-irkopptejn u li s-CT Scan wera laċerazzjoni fuq il-fwied u ksur tal-pelvis fuq in-naħa tal-lemin. Il-Qorti qalet li għas-sejbien ta’ ħtija kriminali il-Qorti trid ikollha ċertezza morali dwar il-ħtija tal-imputat, fi kliem ieħor trid tkun konvinta lil ħinn minn kull dubju dettat mir-raġuni mill-provi imressqa mill-Prosekuzzjoni, u li dawn il-provi ma jkunux ġew newtralizzati mid-difiża fuq bażi ta’ probabbilta`. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Charlotte Curmi.
//= $special ?>