Parlament

Muscat isostni li ġie dikjarat il-korrott tas-sena għax kien hemm lobbying kontrih u mhux minħabba l-korruzzjoni

L-ex Prim Ministru Laburista Joseph Muscat sostna fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li hu kien dikjarat il-korrott tas-sena fl-2019 minħabba li kien hemm lobbying kontrih biex jitpoġġa f’dik il-listau mhux minħabba l-korruzzjoni fil-gvern Laburista li hu mexxa sa mill-2013; b’mod sarkastiku Muscat irrimarka li minkejja dan hu qatt ma rċieva t-trofew bħala l-korrott tas-sena 2019.

Joseph Muscat temm ix-xhieda tiegħu quddiem il-PAC li investiga r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas

Il-kumitat kien presedut mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott u għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti Graham Bencini u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar. Għall-Gvern ipparteċipaw il-Whip Laburista Andy Ellul u d-deputati Laburisti Glen Bedingfield, Alex Muscat u Omar Farrugia.

Darren Carabott ħabbar li l-parlament Malti se jilqa’ f’laqgħa f’Malta diversi Kumitati Parlamentari barranin għall-kontijiet pubbliċi. L-istedina biex din il-laqgħa ssir f’Malta kienet aċċettata mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Darren Carabott qal li l-PAC irċieva stqarrija u korrispondenza mill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia li fiha sostnew li Joseph Muscat żvijja lill-PAC dwar l-Electrogas.

L-ex Prim Ministru Muscat xehed li kien hemm perjodu meta l-Kummissjoni Ewropea ma kinitx għadha approvat is-security of supply agreement. Hu qal li dan kien hemm mument li fih l-Electrogas setgħet tittermina d-diskussjonijiet.

Din kienet sitwazzjoni fejn l-Enemalta setgħet tieħu l-proġett f’ideha iżda tħallas ammont lill-Electrogas. Sadattant l-ispejjeż tal-Electrogas kienu telgħu minn €300 miljun għal €500 miljun minħabba; l-iktar sigurtà għall-post fejn jorbot it-tanker minħabba l-maltemp f’Marsaxlokk.

Muscat qal li d-diskussjonijiet kienu qed jitwalu u kien hemm diversi riskji u sostna li din kienet sitwazzjoni fejn il-konsorzju seta’ jieqaf mill-proġett. Kieku l-Enemalta ħadet il-poġett f’idejha kien ikollha tħalls €500 miljun mill-fondi pubbliċi u kienet tħallas ukoll is-Sisa.

Joseph Muscat qal li l-Enemalta qablet li tibda tħallas is-€2 miljuni fis-sena mal-banek u bbenefikat €2.2 miljun fis-sena mis-savings tal-Electrogas. Kien hemm ukoll diversi multi li setgħu jidħlu fis-seħħ fosthom li kull darba li jkun hemm xi tip ta’ qtugħ l-Electrogas tħallas multi sa €1.5 miljun fis-sena u li jekk il-ħażna tonqos gġal inqs minn 90% l-multa tkun sa €1.2 miljun. Dan filwaqt li jekk it-tanker ma jkunx f’pożizzoni li jopera, l-Electrogas teħel multa sa €1.5 miljun.

Muscat qal li dan kien ftehim li sar wara l-kuntratt mal-Electrogas u sostna li l-poplu Malti ma marx minn taħt.

Mistoqsi kif ma saritx konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Finanzi dwar l-€40 miljun f’taxxa dovuta mill-Electrogas, Muscat qal li jimmaġina li b’xi mod jew ieħor kien hemm konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Finanzi. L-ex Prim Ministru Muscat kompla li ma kienx hemm intenzjoni li jkun hemm xi tip ta’ ħabi mill-Ministeru tal-Finanzi.

Darren Carabott ġibed l-attenzjoni ta’ Joseph Muscat għall-fatt li Konrad Mizzi kien xehed li hu ma kienx involut fid-deċiżjoni tal-€40 miljun taxxa u li ma kienx jaf min ħa din id-deċiżjoni waqt li issa Muscat qed jgħid li d-deċiżjoni kienet waħda ministerjali. Naħseb li l-idea ġiet mingħand xi nies tekniċi tal-Enemalta li ressquha lill-Ministru….jekk mhux hek, “mela allura d-deċiżjoni ħadtha jien”, sostna l-ex Prim Ministru Muscat.

F’xhieda preċedenti dwar l-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni Ewropea (KE) fuq il-kuntratt tal-power station, Darren Carbott sostna li l-kuntratt mas-SOCAR ma kienx ingħata lill-KE qabel ittieħdet id-deċiżjoni. Muscat qal li fix-xhieda tiegħu fis-seduta ta’ qabel hu kien qal li kellu l-impressjoni li l-KE kellha l-informazzjoni kellha. Hu ammetta li dakinhar kellu żball meta xehed li l-KE kellha viżibiltà tal-ftehim bejn il-gvern u s-SOCAR.

Muscat spjega li l-ftehim mas-SOCAR kien bejn il-gvern u kumpanija tal-gvern tal-Ażerbajġan fil-forma ta’ polza ta’ assigurazzjoni biex jekk tfalli l-Electrogas, il-gvern Malti jkollu d-dritt li jixtri hu. Dan il-ftehim qatt ma kien attwat, sostna Muscat, li kompla li l-Gvern Malti kellu parir li dan il-ftehim seta’ ma jkunx ippreżentat lill-KE għaliex dan kien biss ftehim ta’ għażla.

Mistoqsi x’passi ħa dwar l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li kien hemm dwar il-kuntratti tal-Electrogas, Muscat qal li huma l-awtoritajiet li jieħdu l-passi kollha neċessarji u li dejjem saru l-investigazzjonijiet li kellhom isiru. Hu qal li kien jitkellem man-nies li kellu jitkellem magħhom u “erfajt ir-responsabbiltà billi rriżenjajt għalkemm” qatt ma kien hemm affarijiet.

Naf sew x’wassal għall-eskalazzjoni tal-affarjiet u nafu x’kienu l-allegazzjonijiet li waslu biex jien kelli nirriżenja, sostna Muscat. Għal mistoqsija dwar stqarrija tal-Gvern Amerikan dwar rapporti ta’ korruzzjoni fil-gvern Laburista minn Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-proġett tal-power station, Muscat wieġeb li mill-istqarrija jidher li l-gvern Amerikan jaf xi ħaġa li la naf jien, la l-Awditur Ġenerali u lanqas l-inkjesta pubblika ma nafu.

Muscat kompla li l-Prim Ministru Robert Abela m’għandux għalxiex jagħmel kuntatt miegħu dwar l-Electrogas. Nimmaġina li l-Gvern Malti għamel kuntatt mal-Gvern Amerikan; lili ma semmieni mkien, sostna Joseph Muscat.

L-ex Prim Ministru Muscat qal li minkejja d-dikjarazzjoni tal-Gvern Amerkina, hu għandu fiduċja f’Konrad Mizzi u Keith Schembri. Dwar in-nomina ta’ Muscat bħala l-aktar politiku korrott fl-2019, b’mod sarkastiku, l-ex Prim Ministru Laburista qal li qatt ma rċieva t-trofew tal-aktar politiku korrott.

Hu qal li kien sar lobbying biex hu jitpoġġa f’dik il-lista tal-aktar politiċi korrotti flimkien ma’ Trump u Putin… Din lobbying kienet… għalkemm tagħmilli ħajti diffiċli meta niġi quddiem xi due diligence għax ikolli nispjega, sostna Joseph Muscat.

L-ex Prim Ministru Muscat sostna li dak li jingħad bejnu u bejn il-Prim Ministru Abela “m’hu affari ta’ ħadd”.

Muscat qal li jaħseb li l-Electrogas kienet deċiżjoni tajba u appella lill-PAC biex jitlob lill-Awditur Ġenerali jagħmel eżerċizzju dwar l-aspett finanzjarju tal-power station.

Wara x-xhieda ta’ Muscat, l-Oppożizzjoni pproponiet lill-NGO Friends of the Earth biex jixhdu fil-PAC iżda l-membri tal-gvern opponew għal din ix-xhieda. Il-membri tal-gvern ipproponew li l-Friends of The Earth jidhru quddiem il-Kumitat għall-Ambjent għax qalu li dan m’għandux x’jaqsam mal-power station.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li bħalissa dan ma jistax isir u spjega li  l-Oppożizzjoni se titlob li tinbidel ir-responsabbiltà tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent beix ikun jista’ jiddiskuti aspetti ambjentali tal-pajjiż.

Iċ-Chairman Darren Carabott ressaq it-talba tal-Oppożizzjoni biex Friends of the Earth jitressqu bħala xhieda bl-Oppożizzjoni tivvota favur u wieħed mid-deputati Laburisti (Glenn Bedingfield) jivvota kontra.

Quddiem din is-sitwazzjoni l-membri tal-gvern oġġezzjonaw li l-vot kien ittieħed u pproponew li għandu jkun l-Ispeaker li jiddeċiedi jekk Friends of the Earth jittellgħux quddiem il-PAC.

Kien hemm tliet deputati tal-Oppożizzjoni li vvutaw favur, deputat wieħed (Glenn Bedingfield) ivvota kontra u tliet deputati Laburisti li ma vvutawx; li hi astenzjoni.

Id-deputat Laburista Alex Muscat ressaq talba biex ikun l-Ispeaker li jagħti direzzjoni jekk ir-rapport tal-Friends of the Earth jitressaqx quddiem il-PAC.

Darren Carabott spjega l-vot li ttieħed waqt li d-deputat Laburista Alex Muscat oġġezzjona li l-vot kien ittieħdet u sostna li x-xhieda tal-Friends of the Earth hi out of order.

Il-kumitat kien sospiż għal ftit ħin. Meta reġa’ ltaqa’, Darren Carabott ippreċiża dak li seħħ u qal li l-vot fil-fatt m’għaddiex.

Alex Muscat qal li l-gvern qed jitlob deċiżjoni tal-Ispeaker dwar dan. Darren Carabott irrifera għall-ittra ta’ Friends of the Earth lill-PAC f’Lulju fejn ippreżentaw ir-rapport tagħhom.

Il-PAC aġġorna għal nhar it-Tlieta li ġej fis-2 p.m.