Tkompli l-ħidma konsultattiva tal-Partit Nazzjonalista dan hekk kif it-Tlieta waranofsinhar saret laqgħa mal-Malta Institute of Management.
Matul din il-laqgħa ssemmew diversi punti importanti fosthom it-tħassib li f’uħud mis-setturi l-kwalità għadha assenti partikolarment fis-settur tal-catering, tal-kostruzzjoni kif ukoll l-accounting, tkellmu wkoll dwar il-bżonn tal-innovazzjoni fejn saħqu fuq l-importanza li din ma titħalliex biss fl-aspett diġitali.
F’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem fuq l-importanza li jsiru diskussjonijiet bħal dawn filwaqt li tkellem dwar uħud mit-temi li ġew diskussi matul din il-laqgħa fosthom l-inflazzjoni.
Apparti minn hekk, Bernard Grech tkellem ukoll fuq il-ħtieġa li jinbidel l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja filwaqt li jkollna standards għoljin.
Minn naħa tiegħu Omar Vella li kien qed jirrapreżenta l-Malta Institute of Management qal li kienet laqgħa pożittiva ħafna fejn fost l-oħrajn tkellem fuq il-fatt li pajjiżna għandu jaġixxi minnufih dan hekk kif l-edukazzjoni dejjem qed tevolvi.
Preżenti għal din il-laqgħa flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien hemm id-Deputati Jerome Caruana Cilia, Ivan Bartolo u Justin Schembri kif ukoll rappreżentant mill-Forum Professjonisti Martin Musumeci.
//= $special ?>