Budget 2024 Ekonomija Lokali

BUDGET 2024: Il-Gvern stess jikkonferma li l-paga qed tkompli titnaqqar

Iż-żieda fil-prezzijiet, skont l-aħħar ċifri ippubblikati mill-Gvern stess, kienet qawwija wisq meta kkumparata maż-żieda fil-pagi. U konsegwenza t’hekk qed ikompli jitnaqqar dak li realment il-ħaddiem qiegħed idaħħal fil-but.

Dan ħareġ mid-Dokument ta’ Qabel il-Budget li ġie preżentat mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana fejn intqal li fl-2022 il-pagi nominali f’pajjiżna – ċioè il-pagi qabel it-taxxa – żdiedu bi 3.3%. Madanakollu ż-żieda fil-prezzijiet kienet ogħla.

Din hi konferma ċara u tonda li l-familji Maltin u Għawdxin mhux ilaħqu mal-għoli tal-ħajja u ż-żieda enormi fil-prezzijiet.

L-istess dokument li ħareġ il-Gvern juri li l-prezz tal-proprjetà kompla jiżdied, u li minkejja l-appelli kontinwi tal-esperti – inkluż tal-Kamra tal-Kummerċ – Clyde Caruana ta x’jifhem fil-pre-budget li qed jimmira lejn tranżizzjoni fil-mudell ekonomiku; u mhux bidla.

Fl-aħħar jiem il-Kamra tal-Kummerċ appellat lill-Gvern li hemm bżonn bidla fil-mudell ekonomiku … u dwar dan, Net News staqsa lill-Ministru Caruana jekk irnexxilux jikkonvinċi lil Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Ekonomija Sivlio Schembri dwar il-bidla li hemm bżonn….b’Caruana jistqarr li xi kultant dak li jgħid jistona ma xi uħud.

B’rabta mal-għajnuna tal-COLA, Clyde Caruana kkonferma li se tkun ogħla minn €9 – konsegwenza tal-inflazzjoni qawwija li pajjiżna qed iħabbat wiċċu magħha. Madanakollu ta’ xjifhem li, minkejja l-appelli tal-imsieħba soċjali u anke tal-PN…għadu ma jistax jikkonferma jekk din l-għajnuna hux se tkun eżentata mit-taxxa jew le.

Mistoqsi mill-imsieħba soċjali preżenti kif ukoll minn Net News, Caruana ma kkomettix ruħu dwar x’se jseħħ mill-proġetti mwiegħda tal-isptar il-ġdid għal kura psikjatrika jew in-Northern Hub għal kura primarja….wisq inqas meta se jintraddu lura l-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro li ngħataw lil Vitals u Steward.

Staqsejna lill-Ministru x’inhi s-sitwazzjoni tal-linja tal-ajru tal-Air Malta….x’se jkun il-futur tagħha u tal-ħaddiema….bil-Ministru anke hawn…jagħżel li jwieġeb, billi ma jweġibx.

Intant, l-unika garanzija li l-Ministru ta lil Net News kienet li l-prezzijiet mhux se jkunu qed jorħsu fix-xhur li ġejjin.

Matul il-preżentazzjoni ingħad li d-dejn ġenerali tal-Gvern huwa mbassar li jitla’ għal 54.5% – l-ogħla rata fl-aħħar 4 snin.