Laqgħa mill-isbaħ għal Bernard Grech mill-istudenti tal-Junior College
Għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta li biha kull individwu jista’ jagħmel suċċess.
Hekk stqarr fi tmiem żjara li għamel l-Erbgħa filgħodu fil-Junior College. Dan hekk kif bħalissa għaddejja l-‘freshers week’ – li se tibqa’ għaddeja sal-Erbgħa 4 ta’ Ottubru.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien milqugħ minn diversi studenti fejn hu għaddielhom messaġġ ta’ kuraġġ għall-futur tagħhom – laqgħa li kienet iddominata minn kliem ta’ tifħir għas-soluzzjonijiet li l-PN qed jippreżenta b’risq iż-żgħażagħ u l-istudenti.
L-istudenti minn naħa tagħhom tkellmu dwar dak li qed jinkwetahom: il-problemi tat-traffiku u l-ineffiċjenza fit-trasport pubbliku, l-għoli tal-ħajja li qed iżżid iżjed spejjes għall-istudenti, il-bini eżagerat f’pajjiżna, u anke l-isfidi ambjentali.
Akkumpanjat mid-deputati tal-PN Justin Schembri u Bernice Bonello u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Miriana Testaferrata Di Noto, Bernard Grech insista li l-investiment fl-edukazzjoni huwa importanti ħafna sabiex l-istudenti ikollhom fejn jimirħu. U l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-edukazzjoni hija għodda neċessarja sabiex l-istudenti jagħmlu suċċess f’ħajjithom għaliex huma il-futur ta’ pajjiżna.
Din il-ġimgħa l-istituzzjonijiet post-sekondarji qed jorganizzaw il-‘freshers week’ għal dawk l-istudenti kollha li qed jagħmlu pass ieħor fl-edukazzjoni tagħhom. U matul dawn il-jiem, l-istudenti l-ġodda jkollhom l-opportunita’ jifhmu aħjar il-ħajja fuq il-kampus fejn ikunu se jqattgħu is-snin li ġejjin.
//= $special ?>