Il-Kumitat tal-Ambjent, l-Ippjanar u t-Tibdil fil-Klima għandu jiddiskuti suġġetti li jinteressaw lin-nies u li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies b’rabta mal-qasam ambjentali. Dan għaliex għall-Oppożizzjoni mhux aċċetabli li l-isfidi ewlenin li għandu pajjiżna b’rabta mal-ambjent u tibdil fil-klima ma jiġux tratati f’dan il-kumitat.
Hekk saħaq Robert Cutajar il-Whip tal-Oppożizzjoni, meta t-Tlieta waqt il-laqgħa tal-PAC qal illi il-Parit Nazzjonalista se jkun qed jipreżenta mozzjoni sabiex jiżdiedu ir-responsabilitjajiet tal-Kumitat tal-Ambjent l-Ippjanar u t-Tibdil fil-Klima.
Dan il-Kumitat huwa regolat bil-liġi u mhux bl-istanding orders – għalhekk ir-responsabilitjajiet tiegħu huma limitati, tant li jista’ jiddiskuti biss it-tibdil fil-pjanijiet lokali.
Ma’ Net News, Robert Cutajar spjega kif aktar minn sena wara li l-Oppożizzjoni proponiet biex il-Gvern jikkunsidra li jwessa r-responsabbiltajiet ta dan il-kumitat – sal-lum din għada ma saritx, hekk kif dan il-kumitat ma ltaqax aktar minn tliet darbiet.
Għalhekk wara li l-Gvern naqas milli jieħu azzjoni, l-Oppożizzjoni bi qbil fil-grupp Parlamentari se tkun qed tressaq mozzjoni fil-Parlament sabiex jissaħħaħ il-Kumitat tal-Ambjent, l-Ippjanar u t-Tibdil fil-Klima.
Il-Partit Nazzjonalista qed jittama li l-Gvern jittrata din il-mozzjoni b’urġenza, waqt li Robert Cutajar appella lil Gvern biex qabel ma jressaq il-budget għas-sena dieħla, din il-mozzjoni tal-Oppożizjoni tiġi diskussa u approvata unaninament miż-żewġ naħat.
//= $special ?>