Lokali

Bosta djar f’San Ġiljan, is-Swieqi u Pembroke ilhom jumejn mingħajr ilma

Jidher li numru sostanzjali ta’ residenzi u negozji f’San Ġiljan, is-Swieqi u Pembroke ilhom jumejn mingħajr il-provvista ta’ ilma. Dan minkejja li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma wegħdet lil dawn ir-residenti li l-interruzzjoni tal-provvista tal-ilma, li beda l-Erbgħa fis-7.00am, kellu jintemm sas-6.00pm tal-bieraħ stess.

Numru ta’ residenti għamlu kuntatt ma’ dan is-sit sabiex juru l-għadab tagħhom għall-mod inuman li bih qed jiġu ttrattati mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hekk kif dawn ma kinux infurmati li din l-interruzzjoni fil-provvista, ikkawżata minn bidla fid-distribuzzjoni tal-ilma f’din iż-żona tal-pajjiż, se jtul daqshekk.

B’hekk, bosta familji u negozji la jistgħu jsajjru, la jaħslu l-ħwejjeġ, il-platti jew l-art u wisq anqas jagħmlu użu tal-kamra tal-banju. Dawn huma kostretti jagħmlu użu minn numru ta’ tankijiet bl-ilma pprovduti mill-familjari tagħhom li jgħixu fi bnadi oħra.