Lokali

Is-suġġeriment tas-CEO ta’ Transport Malta spiċċa ċajta fuq fomm kulħadd

Wara s-soluzzjoni fqira minn naha tal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta fejn qal lin-nies biex joħorġu aktar tard mid-dar ħalli jevitaw it-traffiku, bosta persuni fuq il-midja soċjali spiċċaw jiżuffjettaw b’dan is-suġġeriment; bil-maġġoranza jgħidu li wieħed ma jistax jaqbad u joħroġ x’ħin irid hu għax-xogħol.

Matul il-jum tal-Erbgħa taħt l-istorja ppubblikata fuq Facebook minn dan l-istazzjon, il-paġna kienet miżgħuda b’mijiet ta’ kummenti – kollha jikkritikaw dak li qal il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta.

Uħud mill-kummenti rrimarkaw li l-Gvern ta’ Robert Abela qed joħroġ b’soluzzjonijiet bla bażi waħda wara l-oħra, fejn l-ewwel qalu lin-nies sabiex jaqraw ktieb sakemm tirritorna l-provvista tal-elettriku, imbagħad biex niffriżaw l-iskart organiku u issa biex noħorġu mid-dar aktar tard ħalli ma neħlux fit-traffiku.

It-traffiku ilu problema ewlenija għal pajjiżna għal diversi snin fejn bil-mudell ekonomiku li ħaddem il-Gvern ta’ Robert Abela wieħed spiċċa iġġamjat fit-traffiku kull ħin tal-ġurnata. Dan minħabba li rajna splużjoni fil-popolazzjoni; u l-konġestjonijiet saru l-ordni tal-ġurnata.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tkompli tikber il-frustrazzjoni lejn il-Gvern hekk kif qed ikun hawn numru kbir ta’ toroq magħluqin, lokalitajiet b’muntanji ta’ skart f’kull kantuniera, ilmenti li qed jaqgħu fuq widnejn torox, kif ukoll skandlu wara ieħor.