Edukazzjoni Għawdex Lokali

NIŻVELAW: Il-Gvern se jinawgura proġett fl-iskola tan-Nadur meta x-xogħol għadu mhux lest

Robert Abela stieden lill-President tal-Kummissjoni Ewropea għal din l-inawgurazzjoni

Net News jista’ jiżvela illi l-Gvern stieden lill-President tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tinawgura x-xogħol ta’ titjib illi sar fl-aħħar xhur fl-iskola Primarja tan-Nadur Għawdex – xogħol li għadu mhux konkluż.

L-informazzjoni li waslet għand dan is-sit tindika li l-inawgurazzjoni hija programmata għal għada, meta f’pajjiżna tasal Ursula Von der Leyen. Hi se tkun il-mistiedna ta’ Robert Abela biex flimkien imorru Għawdex għal din iċ-ċerimonja.

L-iskola tan-Nadur mhijiex skola ġdida, u l-inawgurazzjoni minn naħa ta’ Abela se tkun wara li sar proġett ta’ titjib f’din il-binja. Iżda sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegawlna li hemm xogħol li għadu mhux lest, tant li fil-ground kellu jitpoġġa tapit ta’ turf temporanju sakemm tgħaddi ċ-ċerimonja ta’ Von der Leyen.

Fi kliem sempliċi, il-Gvern se jkun stieden lill-President tal-Kummissjoni għal ċerimonja li fir-realtà ma tfissirx li x-xogħlijiet ġew konklużi.