Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, żaret iċ-Ċentru tal-MaltaPost għas-Servizzi ta’ Maniġġjar tad-Dokumenti f’Għawdex.
Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-proġett fix-Xewkija huwa li jinħoloq impjieg produttiv għall-persuni b’diżabbiltà. Dan iċ-ċentru saħansitra jħaddem ‘il fuq minn 60 persuna li għandhom diżabiltà.
Il-proġett tal-MaltaPost huwa riżultat ta’ kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Lino Spiteri u Jobs Plus.
Matul iż-żjara, Roberta Metsola qalet li x-xogħol jagħti dinjità lill-persuni u għalhekk, l-impenn tal-
MaltaPost plc flimkien ma’ Jobs Plus u l-Fondazzjoni Lino Spiteri hu ta’ min jirrikonoxxih u jinkoraġġih.
“Kullħadd għandu dritt li jaħdem b’dinjità, huma x’inhuma l-ħiliet tal-persuna. Jeħtieġ jittieħdu aktar
inizjattivi bħal tal-MaltaPost, fuq livell lokali u Ewropew biex l-impjiegi jsiru aktar aċċessibbli. Fl-istess waqt, is-sistema edukattiva u l-programmi ta’ taħriġ għandhom jinħolqu b’mod li jagħrfu l-
ħiliet differenti u l-bżonn ta’ dawn il-ħiliet,” saħqet il-President tal-Parlament Ewropew.
Hi qalet li pajjiżna jrid ikompli jagħraf kif juża l-fondi Ewropej f’din id-direzzjoni. Jeżistu sitwazzjonijiet li fihom persuna b’diżabilità jkollha bżonn kura, kultant saħansitra anki fit-tul u għalhekk, Roberta Metsola saħqet li jeħtieġ jsiru skemi apposta li jagħrfu dan il-bżonn.
Il-President Metsola rringrazzjat kemm lill-impjegati kollha tax-xogħol importanti tagħhom, kif ukoll
lit-tmexxija tal-MaltaPost, il-Fondazzjoni Lino Spiteri u Jobs Plus talli permezz ta’ dan il-proġett
importanti qed jingħata kontribut soċjali kbir.
Iċ-Ċermen tal-MaltaPost, Joseph Said, irringrazzja lill-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, taż-żjara tagħha, u saħaq li l-kumpanija, għalkemm għandha rwol kummerċjali, tibqa’ dejjem konxja tad-dmirijiet tagħha lejn is-soċjetà u se tkun qed tara li testendi dan il-proġett f’Malta.
//= $special ?>