Bħala parti mill-kampanja tal-Unjoni Ewropea #BeActive, il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport ta’ din is-sena ġabet magħha riżultati pożittivi u ta’ inkoraġġiment għall-futur fil-qasam tal-isport u l-ħajja fiżika.
Aktar minn 40 pajjiż madwar id-dinja ipparteċipaw f’attivitajiet diversi u kompetizzjonijiet. SportMalta organizzat żewġ avvenimenti ewlenin. L-ewwel wieħed kien #BeActive Night, fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera. Matulu, ingħatat importanza lill-fitness bħala fattur ewlieni.
L-avveniment beda b’mixja mill-Kalkara, segwita minn sfida ta’ fitness b’parteċipazzjoni ta’ 300 atleta reġistrat, sessjonijiet ta’ fitness għall-pubbliku, u tournament tal-waterpolo f’pixxina ta’ daqs Olimpiku.
L-avveniment nazzjonali prinċipali sar fil-Marsa Sports Grounds. Dan bidel il-grounds f’villaġġ tal-isport li laqa’ aktar minn 20 dixxiplina sportiva. Attività divertenti għal dawk li attendew biex jaraw u jipparteċipaw fi sports differenti. L-enfasi ta’ din is-sena kienet fuq l-involviment, l-inklużjoni u l-innovazzjoni, li jirriflettu l-bidliet kontemporanji fis-soċjetà.
B’kollaborazzjoni ma’ SportMalta, bosta klabbs, għaqdiet tal-isport u postijiet tax-xogħol organizzaw ukoll avvenimenti tagħhom billi ħeġġew aktar nies ikunu attivi permezz tal-isport. Din is-sena, SportMalta ssieħbet ukoll ma’ diversi ċentri tal-fitness, li ser jiftħu l-bibien tagħhom nhar is-Sibt li ġej, it-30 ta’ Settembru, għal sessjonijiet b’xejn bil-għan li jinkoraġġixxu l-eżerċizzju regolari fil-komunità tagħna.
L-attività uffiċjali li jmiss għal SportMalta se tkun f’Ottubru, il-Jum Nazzjonali tal-Isport ta’ SportMalta u se ssir fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex.
//= $special ?>