Lokali

“Bżonn ta’ stazzjon nazzjonali li jservi lill-poplu Malti u Għawdxi kollu u mhux lil Kastilja”

Fl-aħħar xhur, il-PBS instab ħati ripetutament mill-Qorti minħabba nuqqas ta’ bilanċ fix-xandir tiegħu wara li l-Partit Nazzjonalista nnota li kienet qed issir ċensura ta’ diversi messaġġi; mhux biss tal-Partit iżda ta’ aħbarijiet li jmorru kontra Kastilja u l-Gvern Laburista.

Iżda minkejja li l-Qorti sabithom ħatja ta’ dan kollu u wissithom biex dawn l-azzjonijiet jitwaqqfu minnufih, il-PBS għadu jimxi l-istess. Kien fid-dawl ta’ dan kollu li l-għaqda mhux governattiva Repubblika sejħet lill-midja quddiem l-bini tax-xandir nazzjonali sabiex twissi lil dawk responsabbli, u tinsisti li għandhom jassigura li jservu lill-udjenzi kollha.

Il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina qal li l-istazzjon li suppost ikun parzjali ma jista’ qatt jaċċetta indħil u propoganda ta’ Kastilja iżda għandu dejjem joħroġ il-verità kollha.

Robert Aquilina qal li fl-aħħar sentejn rajna lill-PBS jaqta’ għal kollox programmi ta’ ġurnaliżmu investigattiv u ta’ ġrajjiet kurrenti, filwaqt li elimina programmi ta’ diskussjonijiet politiċi biex jaħbi dak li verament qed jiġri f’pajjiżna.

Il-President ta’ Repubblika qal li l-PBS qed jagħti ftit li xejn spazju għal rappurtaġġ tal-għaqda stess filwaqt li ma saru l-ebda stediniet fl-aħħar żewġ skedi fuq imqar programm wieħed tal-PBS.

Intant, f’nofs din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-PBS bagħat security person biex ikeċċi lill-President tal-għaqda mill-post.

Fl-aħħar ġimgħat, il-Partit Nazzjonalista, permezz tas-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, ippreżenta kawża fil-Qorti biex il-PBS ma jkomplix inaqqar id-dritt tal-poplu Malti u Għawdxi li jirċievi l-informazzjoni kollha u vera, kif jixraq f’demokrazija vera. Dan apparti d-diversi drabi li l-Partit Nazzjonalista fittex lill-PBS għaċ-ċensura li saret fuqu, bil-Qorti tiddikjara li x-xandir pubbliku kiser id-drittijiet għal xandir demokratiku.