Edukazzjoni Lokali

Edukazzjoni li tixraq lil uliedna mhux għar-ritratti biss – PN

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Edukazzjoni u s-Snajja’, Justin Schembri, il-Partit Nazzjonalista stqarr li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jgħaddi ż-żmien bil-President tal-Kummissjoni Ewropea hekk kif illum żar l-iskola tan-Nadur ma’ Von der Leyen fejn ġie inawgurat ix-xogħol ta’ manutenzjoni li sar fl-iskola meta din għadha mhix lesta għalkollox.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Gvern qiegħed iqarraq bil-poplu meta jgħid li bena tliet skejjel ġodda f’sena waħda għaliex l-iskola tan-Nadur, tar-Rabat (Malta) u ta’ Ħal Għaxaq sar fihom manutenzjoni u ristrutturar u ebda minnhom ma hi ġdida. Sadanittant, l-iskola tal-Imsida ilha snin biex titlesta waqt li skejjel oħra bħall-Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi u s-Sekondarja tal-Imrieħel fost ħafna skejjel oħrajn f’kull naħa ta’ Malta u Għawdex għandhom bżonn manutenzjoni serja u immedjata.

L-iskola tan-Nadur li żaret il-President tal-Kummissjoni Ewropea llum għadha mhux kompluta b’numru ta’ klassijiet, faċilitajiet u l-grawnds li fadlilhom ħafna xogħol xi jsir biex ikunu għad-dispożizzjoni tat-tfal Għawdxin. Il-Gvern Laburista tant huwa ddisprat li qed jigdeb quddiem l-Ewropa.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess u determinat li jtejjeb l-infrastruttura, jimmodernizza u jibni l-iskejjel biex it-tfal tagħna jedukaw ruħhom fi skejjel ta’ eċċellenza u ta’ standards għoljin.