Lokali

Heritage Malta tħejji tlett ijiem ta’ attivitajiet fl-Okkażjoni ta’ Notte Bianca

Fl-okkażjoni ta’ Notte Bianca u l-Jiem tal-Patrimonju Ewropew, Heritage Malta ħejjiet tlett ijiem konsekuttivi ta’ attivitajiet li se jinżlu għasel ma’ dawk li għandhom l-istorja għal qalbhom.


Fis-6 ta’ Ottubru, fil-Katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat, Jordan Sant se jagħmel taħdita bl-Ingliż fejn janalizza t-twaqqif tar-Repubblika Rumana bħala l-iprem qawwa fil-Mediterran matul il-perjodu bejn ir-rebħa tal-Italja u tmiem it-tieni seklu qabel Kristu – iż-żmien li ra lil Ruma taħkem il-parti l-kbira tal-Mare Internum.

It-taħdita, bl-isem Roman Expansion in the Mediterranean, qed tiġi organizzata bħala waħda mill-attivitajiet ta’ Heritage Malta għall-Jiem tal-Patrimonju Ewropew, u tibda fis-18:00. Il-biljetti huma bla ħlas iżda l-postijiet iridu jiġu bbukkjati minn qabel billi huma limitati. Dawk li jixtiequ jibbukkjaw jistgħu jagħmlu dan minn kwalunkwe mużew jew sit ta’ Heritage Malta, jew inkella online minn hawnhekk: https://heritagemalta.mt/store/e1297


Għal Notte Bianca, is-Sibt 7 ta’ Ottubru, Heritage Malta se tiftaħ tlieta mis-siti tagħha fil-Belt Valletta wara l-ħinijiet normali. Il-pubbliku jista’ jżurhom bla ħlas u mingħajr ma jibbukkja minn qabel. Is-siti huma l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, MUŻA – il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, u l-Palazz tal-Gran Mastru, inkluża l-Armerija. Dawn se jilqgħu lill-viżitaturi mis-18:00 sa tard billejl u flimkien se joffru vjaġġ tul iż-żmien mill-preistorja sal-preżent.

Il-Palazz tal-Gran Mastru


Dan il-weekend speċjali jissokta l-Ħadd 8 ta’ Ottubru fid-Dar Storika tal-Gran Castello li tinsab fiċ-Ċittadella, Għawdex. Flokkażjoni tal-Jiem tal-Patrimonju Ewropew u tal-40 anniversarju minn meta nfetħet bħala mużew tal-folklor, se tkun miftuħa mid-09:00 sal-17:00, bi dħul b’xejn u mingħajr il-ħtieġa li wieħed jibbukkja minn qabel.

Id-Dar Storika tal-Gran Castello


Il-familji se jsibu ġurnata sħiħa ta’ attivitajiet li jvarjaw minn dimostrazzjonijiet ta’ kif jitwettqu snajja’ marbutin mal-insiġ u l-bizzilla, sa logħob tradizzjonali tat-tfal. Se jsiru tours gwidati fil-11:00 u fis-14:30, bl-Ingliż u bil-Malti rispettivament, fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel.