Lokali

Il-President tal-PL tmur fuq cruise b’xejn flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-ITS

Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard aċċettat rigal biex tmur fuq cruise għal vaganza b’xejn flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech.

Dan ġie żvelat minn The Shift News fejn jidher li Ramona Attard qatt ma ddikjarat din is-safra minkejja li hu obbligat minnha li dan iseħħ.

Din il-vaganza seħħet f’Mejju li għadda meta l-ITS kienet għaddejja b’diskussjonijiet mal-kumpanija Viking Cruises dwar il-possibiltà li l-ħaddiema jinġiebu Malta għal taħriġ.

Kemm Pierre Fenech, u anke Ramona Attard u s-sieħeb tagħha Andrew Debattista ħadu din il-vaganza lejn Ancona, fl-Italja fejn attendew ċeremonja ta’ inawgurazzjoni ta’ ocean liner ġdid. Minn hemmhekk, huma rikbu l-Viking Saturn u qattgħu ħamest ijiem iduru z-zona tal-Mediterran, kollox imħallas mill-kumpanija.

Ikkuntatjata minn The Shift News, Ramona Attard qalet li hi ħalset għat-titjiriet min u lejn Malta iżda ma qalitx li ma ħalsitx għall-cruise. Fil-fatt, hi kkonfermat li marret għal din il-vaganza b’xejn biex tkun mas-sieħeb tagħha.

Minkejja dan, hi ma qalitx jekk avżatx lill-mexxej tal-PL u Prim Ministru, Robert Abela li se tkun qed taċċetta dan ir-rigal. B’sorsi fl-ITS jgħidu li huwa stramb li Andrew Debattista fl-irwol tiegħu ta’ Business Development Manager fl-ITS ikun mistieden għal attività ta’ dan it-tip, bl-istess Debattista jieħu dan l-irwol fuq rakkomandazzjoni ta’ Pierre Fenech stess.