Lokali

Maratona ġbir ta’ fondi bit-tema “Ħajja Aħjar f’Pajjiżna”

Il-preparamenti għall-maratona ġbir ta’ fondi, tal-Partit Nazzjonalista issa waslu fl-aqwa taghhom hekk kif nhar il-Ħadd, il-PN se jerġa’ jdur fuq il-ġenerożita tan-nies. Dan sabiex jisaħħaħ u jinvesti biex iwassal l-aqwa politika għall-ġid tan-nies.

Il-maratona bit-tema ta’ ‘Ħajja Aħjar f’Pajjiżna’ se tkun qed tittella’ fid-Dar Ċentrali tal-PN, bejn is-2pm u l-11pm.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali se jkunu qed jagħtu s-sehem tagħhom f’din il-maratona li se tixxandar kemm fuq Net Television u anke fuq Net FM.

Il-linji tat-telefon u tal-SMSs marbutin mad-donazzjonijiet ta’ din il-maratona diġa huma miftuħa hekk kif wieħed jista’ minn issa jagħti d-donazzjoni tiegħu.

Waqt din il-maratona, wieħed se jkun jista’ jżur ukoll il-wirja Rottarti…wirja kollettiva li tiġbor diversi biċċiet artistiċi li jinkludu pittura, ċeramika, lavur, fotografija u skultura tal-injam.

Din hija inizjattiva li qed issir qabel il-bidu ufficjali tal-iskeda l-ġdida ta’ Net Television li bħal kull sena se toffri programmi varji li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd – inkluż programmi ġodda, diskussjonijiet, drama u produzzjonijiet għall-familja kollha. Apparti minn hekk, din il-maratona se tagħti bidu għal ġimgħa importanti li matulha jerġa’ jiftaħ il-Parlament…filwaqt li jkomplu jirrankaw il-preparamenti għall-Budget.