Lokali Qorti

Probation għal student ossessjonat bil-pornografija fuq attentat ta’ atti sesswali

Raġel ta’ 31 sena, student – li għandu livell ta’ edukazzjoni tajba u li jixtieq ikompli bl-istudji tiegħu fl-Universita’ ta’ Malta ingħata probation għal tliet snin wara li ammetta li pprova jwettaq atti sesswali fuq mara.

Ir-raġel hu ossessjonat bil-pornografija inkluż dik li fiha l-vjolenza mhux qed jissemma minħabba li għandu problemi mentali. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello qalet fid-deċiżjoni tagħha
li fil-kwadru ta’ dan kollu, taqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċjal tal-Probation illi piena karċerarja f’dan il-każ ma jkun ta’ ebda ġid iżda ta’ ħsara.

Piena karċerarja tfisser li ma jkunx jista’ jislet il-benefiċċju sħiħ tal-għajnuna li għandu bżonn b’mod
komplet biex irażżan l-ossessjoni tiegħu u jiffoka minflok fuq it-trawwim tal-aspetti pożittivi tal-karattru tiegħu u fuq l-istudji prospettivi tiegħu.

Dan kollu anke biex ikollu quddiemu oġġettivi ġodda u reali li jistgħu jissostitwixxu l-fantasiji dannużi li ma jwassluh imkien ħlief fil-kriminalita’. Il-każ fuq il-mara seħħ fil-21 ta’ Lulju li għadda fl-inħawi ta’ Paceville.

Il-Maġistrat Montebello semgħet ix-xhieda ta’ uffiċjal tal-probation u ddikjarat li r-raġel għandu ossessjoni fuq il-pornografija vjolenti. Din il-problema li jidher li nibtet diversi snin ilu meta l-imputat, ġuvnott b’karattru riżervat bi ftit ‘self-esteem’ li trabba f’ambjent karatterizzat min-nuqqas ta’ ħbiberiji fejn kien jitħalla wkoll ħafna ħin waħdu d-dar f’età vulnerabbli, beda jara l-pornografija.

Dan il-vizzju ingrana sew biż-żmien u żviluppa sal-estrem li l-imputat ħass li kellu jimmaterjalizza l-fantasiji pornografiċi tiegħu. Il-Maġistrat ikkunsidrat li waqt l-interrogazzjoni tal-Pulizija hu mhux biss ammetta imma fetaħ qalbu mal-pulizija dwar il-pornografija imma anke għal ħsibijiet biex iwettaq reati bħalma wettaq.

Il-Maġistrat Montebello qalet li huwa evidenti li r-raġel mhux kriminali u għandu bżonn l-għajnuna waqt li ddispjaċih għal għemilu u jixtieq jegħleb il-vizzju. Qieset ukoll li ilu sena jieħu l-kura għand il-Fondazzjoni Richmond u applika biex f’Ottubru lli għadda jibda kors fl-Università ta’ Malta.

Il-Maġistrat saħqet li taqbel mal-parir tal-uffiċjal tal-probation li ma jintbagħatx il-ħabs ħalli jkompli jindirizza l-problema. Il-Qorti qalet ukoll li mingħajr ma jerġa’ jirkorri għall-kriminalità u biex jingħata gwida fid-direzzjoni t-tajba u jagħraf ukoll l-importanza li jkollu oġġettivi rejali li jista’ jilħaq
materjalment mingħajr ma jirkorri għal fantasiji li jagħmlu biss ħsara.

Ghall-finijiet tal-piena, il-Qorti kkunsidrat diversi fatturi, fosthom il-gravità tar-reati, partikolarment ir-reat dwar atti ta’ natura sesswali mingħajr kunsens, iżda wkoll il-fatt illi l-ewwel akkuża ngħatat bħala reat attentat u mhux bħala wieħed ikkonsmat.

Dan ifisser illi għandu jkun hemm tnaqqis ta’ grad jew żewġ gradi fil-piena applikabbli għar-reat taħt l-artikolu 207 tal-Kap. 9. Ħadet qies ukoll tal-kontenut tar-rapport ta’ qabel is-sentenza u x-xhieda tal-Uffiċjal tal-Probation. Minbarra li poġġietu taħt ordni ta’ probation għal tliet snin, ħarġet ordni ta’ trattament għall-istess perjodu biex jingħata l-kura u anke ħarġet ordni ta’ trażżin għal tliet snin biex tipproteġi lill-vittma.