“Għad baqalkom ħafna x’toffru lis-soċjetà tagħna u jeħtieġ li nkomplu niġġieldu għal pajjiżna għaliex hekk biss jista’ jkollna ħajja aħjar f’pajjiżna.”
Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività organizzata matul il-jum tas-Sibt minn Assoċjazzjoni Pensjonanti, Anzjani Nazzjonalisti, l-APAN, dan hekk kif fl-1 ta’ Ottubru pajjiżna jiċċelebra Jum l-Anzjani.
Waqt il-messaġġ tiegħu Bernard Grech qal li l-anzjani għandhom valur kbir għall-Partit Nazzjonalista dan hekk kif diġà kellhom ħafna esperjenzi f’ħajjithom. Bernard Grech saħaq li ninsabu f’perjodu fejn irridu nerġgħu niġġieldu għad-demokrazija għaliex hekk biss jista jkollna ħajja aħjar f’pajjiżna.
Aparti minn hekk, Bernard Grech li l-Partit Nazzjonalista se jkompli bil-ħidma tiegħu sabiex l-anzjani jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar fejn ikollhom żieda fil-pensjonijiet sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
Minn naħa tiegħu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione sostna li l-anzjani għandhom ikunu fil-qofol ta’ tfassil tal-politika f’pajjiżna dan hekk kif l-anzjani għandhom is-sens tal-valuri.
Huwa qal li bħalissa pajjiżna spiċċa ma jintgħarafx hekk kif fl-aħħar għaxar snin kellna Gvern Laburista li minflok poġġa l-interess tal-pajjiż l-ewwel; poġġa l-ewwel l-interessi tan-nies tal-qalba.
Waqt din l-attività tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino fejn qal li l-anzjani kienu preżenti meta kien hemm l-ġlieda għall-Indipendenza kif ukoll biex pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Hawnhekk huwa appella lill-anzjani biex ikompli jiġġieldu għal pajjiż aħjar sabiex il-ġenerazzjoni ta’ warajhom isibu pajjiż isbaħ.
F’kummenti ma’ Net News il-Kelliem għal Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnici saħqet li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem sabiex l-anzjani f’pajjiżna jkollhom id-dinjità kif ukoll ħajja li tixirqilhom.
Minn naħa tiegħu l-President tal-APAN Joe Zahra appella sabiex l-anzjani jibqgħu attivi filwaqt li għandhom ikomplu jattendu attivitajiet bħal dawn sabiex qatt ma jħossuhom waħedhom.
Waqt din l-attività li saret fid-Dar Ċentrali tal-PN kien hemm spettaklu ta’ mużika fosthom mir-rebbieħa tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza ta’ din is-sena Eliana Gomez Blanco.
Preżenti għal din l-attività kien hemm wkoll id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Claudette Buttigieg, Jerome Caruana Cilia kif ukoll Graziella Galea.
//= $special ?>