Futbol Sport

Premier League: Tispikka l-partita bejn Tottenham Hotspur u Liverpool

(Ritratt: EPA)

Il-Premier League Ingliż jirritorna għas-seba’ ġurnata tal-kampjonat bl-iktar partita tispikka tkun illum bejn Tottenham Hotspur u Liverpool fil-Tottenham Hotspur Stadium fis-6:30pm.

Ir-Reds kellhom bidu mill-aqwa fil-kampjonat hekk kif jinsabu fit-tieni post wara sitt partiti mingħajr telfa, taħt Manchester City li rebħu l-partiti kollha s’issa.

Tottenham ukoll kellhom bidu tajjeb taħt it-tmexxija ġdida tal-kowċ Awstraljan Ange Postecoglu, fejn bħal l-avversarju tagħhom għadhom ma tilfu l-ebda konfront fil-kampjonat, b’4 rebħiet u żewġ draws, l-iktar wieħed riċenti jasal fin-North London Derby kontra Arsenal bl-iskor ta’ 2-2.

Aston Villa se jospitaw lil Brighton f’Villa Park illum fis-1:30pm. Il-Villians qed jittamaw li jkomplu fejn ħallew bir-rebħa tagħhom kontra Chelsea fl-aħħar partita fil-kampjonat. It-tim immexxi minn Unai Emey għeleb lil Brighton fl-aħħar 4 sfidi li kellhom.

Fil-kamp l-ieħor Brighton taħt it-tmexxija ġdida ta’ Roberto De Zerbi huma wieħed mill-iktar timijiet li impressjonaw din is-sena bil-futbol attraenti li qed jilagħbu hekk kif jiinsabu fit-tielet post fil-klassifika.

Bournemouth għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa tagħhom tal-istaġun hekk kif se jaffrontaw lil Arsenal illum fil-Vitality Stadium fl-4:00pm.

Bidu xejn sabiħ għaċ-Cherries hekk kif minn 6 partiti kisbu biss punt wieħed li wasal kontra Brentford f’parità ta’ 2-2.

Arsenal fuq in-naħa l-oħra wrew għalfejn għandhom jiġu kkunsidirati bħala fost il-favoriti għall-kampjonat, hekk kif huma ukoll għadhom bla telfa mill-ewwel sitt partiti, bil-Gunners jimmiraw li jirritornaw lura għar-rebħ illum.

Everton kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun kontra Aston Villa fl-aħħar partita, u qed jittamaw li jkomplu jżidu l-punti b’rebħa fuq Luton Town illum fl-4:00pm.

Manchester United se jkunu qed jaffrontaw lil Crystal Palace fis-sensiela ta’ partiti li se jintlagħbu llum fl-4:00pm.

Bidu mimli sfidi għar-Red Devils, b’numru plejers barra minħabba injuries u raġunijiet dixxiplinarji, konfront żgur mhux faċli għat-tim ta’ Erik Ten Haag.

Parità ta’ bla gowls fl-aħħar partita ta’ Crystal Palace kontra Fulham.

Rebħa rekord u stupenda fl-aħħar partita fil-kampjonat għal Newcastle United kontra Sheffield United bl-iskor ta’ 8-0. Il-Magpies issa jaffrontaw lil Burnley illum f’St James Park fl-4:00pm.

It-tim immexxi minn Vincent Kompany għadu ma kisibx l-ewwel rebħa, u b’Newcastle għabli jserrħu xi plejers għal konfront ta’ matul il-ġimgħa fil-UEFA Champions League, din il-partita tista tkun opportunità denja sabiex jiksbu din ir-rebħa tant mistennija.

F’partita oħra tintlagħab illum fl-4:00pm, West Ham se jkunu qed jaffrontaw lil Sheffield United fil-London Stadium.

Wolves se jkollhom avversarju iebes fil-Molineux Stadium hekk kif se jkunu qed jospitaw iċ-Champions tal-Premier League Manchester City. Il-partita tal-lum tibda ukoll fl-4:00pm.

Ic-Citizens huma l-unika skwadra fil-kampjonat li rebaħ il-partiti kollha f’dan l-istaġun, bl-iktar rebħa riċenti tasal kontra Nottingham Forest bl-iskor ta’ 2-0.

Għada, il-Ħadd l-istess Nottingham Forest se jkunu qed jospitaw lil Brentford fit-3:00pm.

It-Tnejn 2 t’Ottubru partita waħda f’London Derby bejn Fulham u Chelsea fid-9:00pm, bil-blues ikollhom iċ-ċans li jibdew paġna ġdida fil-kampjonat u jirritornaw fejn jixraqilhom.

Illum:
Aston Villa v Brighton 1:30pm
Bournemouth v Arsenal 4:00pm
Everton v Luton Town 4:00pm
Manchester United v Crystal Palace 4:00pm
Newcastle United v Burnley 4:00pm
West Ham United v Sheffield United 4:00pm
Wolves v Manchester City 4:00pm
Tottenham v Liverpool 6:30pm
Għada
Nott’s F. v Brentford 3:00pm
It-Tnejn
Fulham v Chelsea 9:00pm