Xahrejn ilu, Kelsey Bellante għamlet ir-ritorn tagħha bil-lingwa ingliża fix-xena tal-mużika lokali, bir-rilaxx ta’ ‘Heartbeat’, kanzunetta bi stil pop, ġeneru li tul is-snin lill-artista żagħżugħa rajnieha teċċella fih għal darb’darbtejn. Il-kanzunetta ‘Heartbeat’ għamlitha mal-Aqwa 10 Kemm fil-Klassifika tal-Maltin u anke fil-Klassifika tal-istazzjon tar-radju 89.7 Bay. Illum, 29 ta’ Settembru, Kelsey tniedi l-kanzunetta ‘Take U Home’, li għalkemm taqa’ taħt l-istess ġeneru ta’ pop, għandha ħsejjes differenti, bħal donnu b’anticipazzjoni għal tmiem l-istaġun.
‘Take U Home’ hija miktuba minn Rikki Lee Scicluna u Jacob Critch, bi produzzjoni ta’ Gilkicker Studios, u b’immixjar u mastering minn Matt Hyde ġewwa r-Renju Unit. Din hija t-tielet kanzunetta li Kelsey ħadmet ma’ dan it-tim, wara ‘Guilty Love’ fl-2022 u ‘Heartbeat’ aktar kmieni din is-sena.
Jakkumpanja t-tnedija ta’ din il-kanzunetta huwa filmat ddireġut minn Kurt Cauchi. Miġbud l-maġġor parti tiegħu ġewwa, jitfa’ lil Kelsey bħala l-protagonista ewlenija hekk kif hi u sħabha jmorru jixtru xi xorb u tnaqqir minn ġewwa stabbiliment, fejn jarahom ġuvni li jistedinhom għal daqsxejn ta’ party li jkun qiegħed jorganizza. Huma jiddeċiedu li jmorru, u l-istorja tivżvolġi…
“Take U Home hija t-tip ta’ kanzunetta li titfa’ ddoqq fil-karozza fi tmiem il-ġurnata, u li tispiċċa tkanta magħha, hekk kif tkun sejjer lura d-dar.” tgħid Kelsey Bellante filwaqt li żżid tgħid, “dan il-filmat li ffilmjajna għal mal-kanzunetta wisq ġie għal qalbi, tant li sibniha vera diffiċli biex naraw li huma l-aħjar biċċiet għall-aħħar verżjoni li ħa taraw intom.”
Take U Home ta’ Kelsey Bellante issa disponnibbli biex tinstema’ jew tinxtara minn fuq il-pjattaformi diġitali ewlenin inkluż: Spotify, iTunes, Apple Music, YouTube, Google Play u Amazon Music fost l-oħrajn. Dan kien possibbli grazzi għal CAP-Sounds, kumpanija tad-distribuzzjoni Ġermaniża.
//= $special ?>