Knisja Lokali

Dun Jean Cluade jinħatar bħalha Direttur Nazzjonali tal-Abbatini

L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Jean-Claude Schembri bħala d-Direttur Nazzjonali tal-Abbatini. Monsinjur Arċisqof irringrazzja lil Dun Frans Bonnici li serva f’din il-kariga għal snin twal.


Dun Jean-Claude Schembri twieled iż-Żejtun fit-30 ta’ Ġunju 1995. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja taż-Żejtun, fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, u fil-Junior College. Huwa kompla l-istudji terzjarji fil-Filosofija u t-Teologija fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.


Fit-8 ta’ Mejju 2021 ġie ordnat saċerdot u serva għal sentejn bħala Viċi-Arċipriet fil-Parroċċa ta’ San Nikola fis-Siġġiewi. Fl-2022 inħatar bħala Assistent Direttur għaċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet u fl-2023 inħatar bħala chaplain tas-Seminarju Minuri.


Dun Jean-Claude Schembri se jibqa’ jokkupa dawn iż-żewġ karigi. Id-Direttur Nazzjonali tal-Abbatini għandu l-missjoni li jikkordina u jiffaċilita l-ħidma tal-għaqdiet kollha tal-abbatini li hemm fil-parroċċi, fiż-żoni u fil-knejjes madwar Malta.


Il-ħidma tinkludi t-tisħiħ tal-formazzjoni Nisranija, liturġika u umana tat-tfal u l-adolexxenti li jiffurmaw parti minn dawn l-għaqdiet, b’tali mod li ’l quddiem ikollhom l-għodda meħtieġa biex ikunu jistgħu jwieġbu b’libertà għas-sejħa li Alla jagħmlilhom fil-ħajja tagħhom. Huwa wkoll responsabbli li jippromwovi u jsostni lil dawn l-għaqdiet billi jkun preżenti magħhom minn żmien għal żmien. Huwa responsabbli wkoll mill-kordinament tal-kors għall-abbatini, għal dawk li għandhom 11-il sena u aktar, li permezz tiegħu jkunu jistgħu jmorru jservu fil-liturġija li ssir fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.