Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech insista illi dawk responsabbli fi ħdan il-Gvern ta’ Robert Abela għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għall-iskandlu ta’ Transport Malta. Dan hekk kif fit-toroq tagħna hemm periklu kbir – iktar milli qatt ħsibna – permezz tal-għoti tal-liċenzji lil persuni li ma jafux isuqu.
Dan qalu waqt il-programm Analiżi ppreżentat minn Julian Borg b’rabta mal-iskandlu li kompla jiżviluppa fl-aħħar sigħat b’iktar provi ppublikati mis-Sunday Times of Malta – chats illi juru kif kien hemm struttura biex ċertu nies jgħaddu mit-test tal-karozza, bis-saħħa ta’ influwenza politika.
“Kif jista’ jkollkhom il-kuxjenza li nħallu lil xi ħadd isuq fit-toroq tagħna meta tafu li dan ma jafx isuq u dan hu perikoluż?” staqsa Bernard Grech. “Kif tista’ tagħmel dan meta din il-persuna tista’ toqtollok lill-uliedek fit-toroq tagħna?”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li wara l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali, issa l-Gvern niżel iktar ‘l isfel meta l-Labour spiċċa jilgħab mas-saħħa tan-nies fit-toroq Maltin …billi jagħti l-liċenzji lil persuni li m’għandhomx idea ta’ sewqan.
“Huwa ċar li għal dan il-Gvern kollox jgħaddi u lest li jagħmel kollox biex jibqa’ fejn hu.”
Kien hawnhekk illi staqsa fejnu l-Kummissarju tal-Pulizija, li ma għamel kważi xejn biex dawk wara dan l-iskandlu jitressqu l-Qorti.
“Fejnu l-Kummissarju tal-Pulizija li ilu x-xhur b’dawn il-provi f’idu?” staqsa Bernard Grech. “Fallew l-istituzzjonijiet għax qed jiġu kkontrollati minn Robert Abela.”
Bernard Grech qal illi dan l-iskandlu jaffetwa lil kull individwu li joħroġ fit-toroq Maltin u b’hekk appella lil kull persuna biex jagħżel is-sewwa għal futur aħjar.
“Il-Partit Nazzjonalista qed jagħti s-soluzzjoni billi kull persuna jieħu dak li ħaqqu,” qal Bernard Grech.
Bernard Grech qal li b’differenza għall-Gvern immexxi minn Robert Abela, il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem bla waqfien biex jindirizza l-problemi reali tan-nies.
“Tiftakru meta kien jgħid li dan hu Gvern li jisma’?” staqsa Bernard Grech dwar Robert Abela. “Illum m’għadux jgħidha għax kien jużaha biss għall-PR u mhux vera li dan kien isir.”
B’differenza, Gvern Nazzjonalista lest li jagħti lil kull Malti u Għawdxi kwalità ta’ ħajja aħjar.
“Aħna se nkomplu naħdmu biex niggarandulkhom li Gvern immexxi mill-PN jati futur aħjar,” qal Bernard Grech.
B’rabta mal-linja nazzjonali tal-ajru, Bernard Grech qal li l-Gvern mhux talli ma ġabx turisti ta’ kwalità lejn pajjiżna, talli spiċċa qered għal kollox lill-Air Malta.
“Dan il-Gvern kisser u falla lill-Air Malta filwaqt li ħalla lil kulħadd fl-għama,” qal Bernard Grech. “Se nkomplu nagħmlu l-pressjoni biex dan il-Gvern ikun onest dwar l-Air Malta u s-servizz mgħoti lill-Maltin.”
//= $special ?>