Futbol Sport

Ħamrun Spartans jegħlbu lil Sirens b’wirja dominanti

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

SIRENS……………..0

ĦAMRUN S……….4

Sirens: A. Cassar, B. Tiago, O. Prosper, N. Pulis (J. Borg 85’), F. Boateng (J. Perea 65’), D. Opoku, C. Agyemang, M. Akadom, S. Borg, K. Donsu, D. Jackson (D. Agius 85’)

Ħamrun S: H. Bonello, S. Borg (E. Bruno 78’), L. Montebello (J. Robert 68’), J. Mbong (Y. Nenov 68’), R. Prsa (N. Krstic 78’), F. Elionay, U. Duranovic (J. Corbalan 68’) , O. Bjelicic, S. Paintsil, E. Marcelina, R. Camenzuli

Imwissija: C. Agyemang 18’, B. Tiago 23’ (S), L. Montebello 18’, O. Bjelicic 32’ (Ħ)

Tkeċċa: D. Opoku 48’ (S)

Skorjaw: U. Duranovic 3’, 59’, L. Montebello 28’, J. Corbalan 87’ (Ħ)

Referee: Andrea Scriha

Assistenti Referees: D. Spencer u Shaun Calleja

BOV Plejer tal-Logħba: Uros Duranovic (Ħamrun Spartans)

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Emerson Marcelina (Ħamrun Spartans)

Ħamrun Spartans żammew il-pass ma’ Floriana fil-quċċata tal-klassifika bir-raba’ rebħa minn erbgħa meta fit-Tony Bezzina Stadium għelbu lil Sirens 4-0.

Ħamrun kienu dominati tul il-konfront kollu u skorjaw żewġ gowls f’kull taqsima bit-tim minn San Pawl il-Baħar ma jwettaq l-ebda reazzjoni speċjalmet meta fil-bidu tat-tieni taqsima spiċċa bi plejer inqas wara li tkeċċa għalihom Daniel Opoku.

Tliet minuti logħob u Ħamrun fil-vantaġġ. Kien pass ta’ Ryan Camenzuli li qabbeż minn fuq id-difiża ta’ Sirens fejn sab lil Uros Durnaovic li wara li avvanza u ssikkat minn difensur ta’ Sirens tefa’ wara Cassar.

Sirens wettqu reazzjoni fil-11-il minuta meta Degran Jackson ħarab lid-difiża Ħamruniża mil-lemin u tefa’ kross perikoluż fuq Frank Boateng li mill-kaxxa ż-żgħira falla milli jolqot bir-ras u l-azzjoni sfaxxat.

Fid-19-il minuta it-temperament tal-partita żdied mhux ħażin wara inċident fil-pitch bejn Montebello u Agyeamng, bit-tensjoni tiżdied ukoll fl-istands tat-Tony Bezzina Stadium.

Ħamrun irdoppjaw fit-28 minuta mmeta minn long ball preċiż ta’ Emerson Marcelina kien Luke Montebello li daħal minn wara d-difiża u b’xutt mill-ewwel tefa’ fix-xibka.

Sirens marru viċin fit-33 minuta fejn kien Agyemang li għadda ‘l quddiem lejn Jackson, bil-Ġamajkan jipprova xutt lejn ir-rokna tax-xibka iżda kien sortunat li l-ballun ħabat mal-mimduda.

Bidu ħażin għal Sirens fit-tieni taqsima meta wara biss żewġ minuti spiċċaw jilagħbu b’għaxara wara daħla kerha ta’ Daniel Opoku fuq Seth Paintsil bir-referee Andrea Scriha mill-ewwel joħroġ il-karta ħamra.

Tliet minuti wara Ħamrun jolqtu l-lasta meta l-kross ta’ Mbong isib lil Prsa li d-daqqa ta’ ras tiegħu taħbat ma’ sieq il-lasta.

Fid-59 minuta Ħamrun jiskorjaw it-tielet gowl minn azzjoni ta’ Luke Montebello li fil-kaxxa għadda leja Uros Duranovic li bil-ballun fl-arja spara xutt li minkejja li Andrea Cassar mess il-ballun, ix-xutt kien b’saħħtu wisq u spiċċa fix-xibka bil-plejer mill-Montenegro jgħaqqad doppjetta personali.

Ħamrun issiġillaw ir-rebħa fis-87 minuta meta minn azzjoni personali kien is-sostitut Juan Corbalan li minn barra l-kaxxa tefa’ l-ballun fl-angolu tax-xibka għal skor finali ta’ 4-0 favur l-Ispartans.