Lokali

Il-Gvern ta’ Robert Abela falla fin-negozjati mal-UE dwar l-Air Malta

Meta l-Eks Ministru Laburista Konrad Mizzi pprova jbellagħha lill-poplu li l-Air Malta kienet se tibda sservi f’ajruporti internazzjonali lil hinn mill-Ewropa u saħansitra semma l-ajruport ta’ JFK fi New York u dak ta’ Mumbai fl-Indja.

Se jkun il-Prim Ministru Robert Abela, li jnaqqax ismu fl-istorja ta’ pajjiżna u fl-istorja tal-avjazzjoni hekk kif f’dawn il-jiem il-Gvern tiegħu mistenni jħabbar uffiċjalment li n-negozjati mal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna finanzjarja biex l-Air Malta, il-kumpanija nazzjonali tal-ajru tissokta ttir, fallew u għalhekk l-istess Gvern Laburista – grazzi għat-tberbiq u d-deċiżjonijiet żbaljati kontinwi tiegħu fl-aħħar għaxar snin – se jkollu jagħlaq lill-Air Malta.

Dan fl-isfond ta’ nuqqas ta’ diskussjonijiet mal-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema fl-Air Malta li tħallew kompletament fil-għama dwar dak li kien qiegħed jagħmel il-Gvern fin-negozjati mal-Unjoni Ewropea. Mhux biss… iżda anki fl-isfond tat-tħassib tal-ħaddiema tal-kumpanija li issa m’għandhom l-ebda idea dwar x’se jku qiegħed jiġri mill-futur tagħhom wara li tul dawn l-aħħar għaxar snin – b’mod kontinwu – lagħbu l-ħin kollu f’idejn il-Gvern li użahom u lagħab bihom kif ried.

L-aħbar li l-Air Malta se jkollha tagħlaq il-bibien tagħha wara ħamsin sena ta’ servizz lil pajjiżna żgur li se tnissel diqa kbira fost il-poplu Malti u Għawdxi li kien kburi biha. L-aħbar li l-Air Malta se jkollha tagħlaq il-bibien tagħha hi direttament b’riżultat tad-deċiżjonijiet żbaljati u t-tberbiq kontinwu li l-Gvern Laburista ta’ Robert Abela ħa fis-snin li għaddew.

Gvern Laburista li sa mit-Tmexxija ta’ Joseph Muscat tratta bl-aktar mod mhux professjonali fil-konfront tal-Air Malta sal-punt li spiċċat politikament immexxija minn id għall-oħra u probabbilment li laħqet l-apiċe tagħha fi żmien it-Tmexxija tal-Eks Ministru Korrott Konrad Mizzi li pprova jbellagħha lill-poplu li l-Air Malta kienet se tibda sservi f’ajruporti internazzjonali lil hinn mill-Ewropa u saħansitra semma l-ajruport ta’ JFK fi New York u dak ta’ Mumbai fl-Indja.

Minkejja li ripetutament il-Gvern Laburista kien imwissi dwar it-tmexxija dilettanteska tiegħu fil-konfront tal-Air Malta – li saħansitra rredikolaha bil-famuż bezzun – il-Gvernijiet Laburisti ta’ Joseph Muscat u Robert Abela baqgħu ma jisimgħu minn ħadd sal-punt li baqgħu jieħdu deċiżjonijiet mingħajr viżjoni, anzi deċiżjonijiet li kienu qegħdin ikomplu jagħmlu mill-Air Malta linja tal-ajru inqas u inqas kompetittiva.

Issa l-Gvern ta’ Robert Abela – fl-isfond ta’ dan il-falliment storiku kbir – fil-jiem li ġejjin se jkun qiegħed iħabbar l-għeluq tal-bibien tal-Air Malta hekk kif intemmu mingħajr eżitu pożittiv snin ta’ taħditiet bi tmiem xejn pożittiv mal-Kummissjoni Ewropea fejn kien qiegħed isir sforz bit-tama li l-Air Malta tkun salvata… iżda dawk involuti direttament fl-industrija ilhom qatigħ ibassru li dan kien impossibbli grazzi għat-tmexxija kompletament ħażina li l-Gvern Laburista ħa fis-snin li għaddew b’indħil kontinwu u dirett fil-kumpanija li f’mument minnhom saħansitra rreduċiha qisha xi fergħa tal-Partit Laburista.

Issa se jkollu jkun il-Ministru Clyde Caruana li jkollu jiżfen għall-mużika li se tindaqqlu u kemm-il darba jrid ikun ġenwin u onest, allura m’għandu jiddejjaq xejn li jammetti l-ħafna żbalji li saru mill-predeċessuri tiegħu u anki minn dan il-Gvern. Naturalment dan fl-isfond li l-istess Ministru Clyde Caruana issa se jkollu jħabbar it-twaqqif ta’ kumpanija ġdida tal-ajru u dan filwaqt li dawk li jħallsu t-taxxa se jħallsu kont ta’ €300 miljun biex ikopru x-xoljiment tal-Air Malta u t-twaqqif ta’ din il-linja l-ġdida tal-ajru!

Sorsi infurmati kuntattjati minn Il-Mument ilbieraħ spjegawlna li l-probabbiltà hi li issa, f’dan ix-xenarju, il-Gvern ta’ Robert Abela mistenni li jpoġġi dawn l-iżviluppi bħala xi transizzjoni bla skossi, iżda dan mhux se jkun il-każ għall-ħaddiema tal-Air Malta li se jingħataw probabbilment, is-sensja.

Dan filwaqt li l-pożizzjonijiet il-ġodda mal-linja tal-ajru l-ġdida huma mistennija li joffru pakkett ta’ remunerazzjoni aktar baxx, simili għal dawk offruti minn linji tal-ajru low-cost u baġitarji.

Fil-bidu tas-sena l-oħra kien tħabbar li l-Gvern Malti kien irċieva uffiċjalment ir-Rapport Finali tal-Kummissjoni Ewropea bl-eżitu tat-taħditiet bejn l-istess Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-futur tal-Air Malta.

Dakinhar il-Gvern ta’ Robert Abela kien qiegħed jitlob mal-€290 miljun f’għajnuna mill-Kummissjoni Ewropea iżda wara t-taħditiet bejn iż-żewġ partijiet, jidher li l-Kummissjoni Ewropea aċċettat li tgħin biss f’fazzjoni żgħira mit-talba oriġinali.

Dik kienet sitwazzjoni ta’ tħassib kbir għall-futur tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru fejn hemm iservu mijiet ta’ ħaddiema. Barra minn hekk din kienet sitwazzjoni ta’ tħassib u inkwiet ferm akbar għall-istess ħaddiema hekk kif il-ħaddiema, minkejja li l-Gvern jaf x’fih ir-Rapport Finali tal-Kummissjoni Ewopea, għażel biex jibqa’ jżomm kollox mistur u ma jgħidx x’fih.