Robert Abela jibqa’ ma jridx jilqa’ l-proposta tal-PN li jwieġeb direttament hu Mistoqsijiet Parlamentari – Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Robert Abela qiegħed jibqa’ jaħrab mit-talba tal-Partit Nazzjonalista li regolarment fil-Parlament ikun direttament hu li jwieġeb għal Mistoqsijiet Parlamentari mressqa mid-Deputati.
Robert Abela ma jridx jilqa’ din it-talba tal-Partit Nazzjonalista għaliex evidentement mhux komdu li jwieġeb għall-Mistoqsijiet Parlamentari li jistgħu jsirulu mill-Membri tal-Oppożizzjoni, għalkemm ikunu jistgħu jsirulu Mistoqsijiet Parlamentari anki mill-Membri tal-Gvern.
Robert Abela, kieku tassew serju u trasparenti u m’għandux minn xiex jistaħba u jaħrab, m’għandu jkollu l-ebda diffikultà biex jilqa’ din it-talba li fiha nnifisha tkun qiegħda tagħti aktar ħajja lill-Parlament Malti.
Robert Abela, kieku jilqa’ din it-talba tal-Oppożizzjoni jkun jista’ jwieġeb Mistoqsijiet Parlamentari diretti dwar l-għoli tal-ħajja u x’qiegħed jagħmel biex jikkontrolla l-mod kif l-oġġetti qegħdin jibqgħu jogħlew u dan fir-rigward tal-prodotti tal-ikel u tax-xorb, tal-mediċini, tal-oġġetti relatati mal-kostruzzjoni…
Robert Abela jkollu wkoll kieku l-opportunità li jwieġeb Mistoqsijiet Parlamentari dwar l-abbużi u n-nuqqas ta’ akkontabbiltà fil-Gvern li qiegħed imexxi… ngħidu aħna dwar l-iskandu attwali dwar is-serq strutturat fil-benefiċċji soċjali; meta se jaġixxi bl-aktar mod serju biex it-tliet sptarijiet mibjugħa lil Steward Healthcare se jingħataw mill-ġdid lill-poplu Malti; dwar l-€400 miljun mogħtija mill-Gvern lil Vitals Global Healthcare u lil Steward Healthcare bir-riżultat li llum f’dawn it-tliet sptarijiet is-servizz hu fil-veru sens tal-kelma tal-mistħija…
Robert Abela ma jridx iwieġeb direttament Mistoqsijiet Parlamentari hu għaliex jaf li jkollu wieġeb domandi parlamentari dwar il-mudell ekonomiku mfassal minnu li falla fil-veru sens tal-kelma u llum fil-pajjiż hawn telqa u diżastru f’diversi oqsma… popolazzjoni aktar milli jiflaħ pajjiżna, traffiku esaġerat, servizzi li mhux ilaħħqu mal-bżonnijiet, sptarijiet imballati bin-nies…
Tajjeb li f’dan ix-xenarju nfakkru li s-sena l-oħra l-Partit Nazzjonalista kien ressaq għadd ta’ proposti lill-Gvern Laburista dwar kif il-Parlament jista’ jaħdem u jiffunzjona aħjar.
F’Lulju tas-sena l-oħra l-Partit Nazzjonalista ressaq proposti bl-iskop li l-Parlament ikollu sessjoni apposta ta’ darba fil-ġimgħa għall-Mistoqsijiet Parlamentari diretti lill-Prim Ministru u li darba kull ġimagħtejn ikun hemm ġurnata għal diskussjoni dwar Mozzjoni tal-Oppożizzjoni.
Dakinhar il-Partit Nazzjonalista kien qal li dawn kienu tnejn minn sensiela ta’ proposti li ppreżenta biex fi kliemu l-ħidma parlamentari tkun aħjar.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista indika li b’mod ewlieni jrid li l-Parlament ikollu sessjoni apposta ta’ darba fil-ġimgħa għall-Mistoqsijiet Parlamentari diretti lill-Prim Ministru, kif jiġri fil-Parlament Ingliż.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista talbet ukoll li kull ġimagħtejn ikun hemm ġurnata riservata għal diskussjoni dwar Mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni. Bħalissa dan jista’ jsir darba kull tlieta sa sitt xhur. Il-Partit Nazzjonalista qal li b’din il-proposta l-Oppożizzjoni jkollha sehem aħjar fid-diskussjoni fl-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż.
Il-Partit Nazzjonalista s-sena l-oħra kien ressaq proposta wkoll għat-twaqqif ta’ żewġ kumitati permanenti: wieħed għall-ġustizzja li qalet ikun presedut minn membru tal-Oppożizzjoni bħall-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, u kumitat ieħor biex jiġu aġġornati l-ordnijiet permanenti.
Il-Partit Nazzjonalista kien talab ukoll assistenza u riżorsi, kemm umani u anke fiżiċi, biex l-Oppożizzjoni tkun tista’ taqdi dmirha aħjar u tagħti kontribut akbar kif mistenni minnha fil-proċessi leġiżlattivi u parlamentari.
Intweriet ukoll il-fehma li r-rapporti li l-Ombudsman iressaq quddiem il-Parlament jiġu diskussi fil-plenarja għal perjodu ta’ żmien deċiż miż-żewġ naħat tal-kamra.
Proposta oħra tal-Partit Nazzjonalista kienet dwar il-ftuħ ta’ servizz ta’ child care għall-Membri Parlamentari, għall-ħaddiema tal-Parlament u għall-membri tal-Pulizija stazzjonati mal-binja tal-Parlament.
Il-Partit Nazzjonalista talab ukoll li l-proposti tiegħu u oħrajn imsemmija mill-Ispeaker Anġlu Farrugia fid-diskors fl-okkażjoni tas-Sette Giugno tas-sena l-oħrajn, għandhom ikunu diskussi fil-laqgħa skedata tal-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet tal-Parlament.
Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista kienu ġew ippreżentati waqt l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet tal-Parlament u kienu elenkati f’ittra li l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament, dakinhar David Agius, u l-Whip u Segretarju tal-Grupp Parlamentari, Robert Cutajar, kienu bagħtu lid-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne.
Dwar dan ix-xenarju kollu fil-jiem li għaddew tkellimt ma’ Robert Cutajar, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, li enfasizza li l-Parlament jiftaħ għada t-Tnejn bil-Gvern ta’ Robert Abela jibqa’ sal-lum ma jitkellimx mal-Oppożizzjoni dwar it-tibdil fl-Istanding Orders. Dan meta l-Oppożizzjoni, aktar minn sena ilu, kienet batgħet proposti lill-istess Gvern ta’ Robert Abela iżda qiegħed ikompli joħroġ dejjem aktar ċar kemm-il Gvern ta’ Robert Abela hu komdu jħalli l-mod ta’ kif jaħdem il-Parlament fi stat ta’ status quo.
Mistoqsi dwar ix-xogħol li se jkollu quddiemu l-Parlament fil-ġimgħat li ġejjin, Robert Cutajar fisser li sal-waqfa għall-vaganzi tal-Milied żgur li se jkun qed jitressaq il-Baġit għas-sena d-dieħla u mbagħad issir id-diskussjoni dwar l-Estimi Finanzjarji li se jkunu qegħdin jiddominaw l-agenda parlamentari, però l-Oppożizzjoni se tkompli tara li fil-Parlament il-Gvern ta’ Robert Abela jibqa’ jinżamm taħt il-lenti fuq suġġetti u materji li qegħdin itellfu l-livell tal-għajxien u l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Tkellimna wkoll dwar ix-xogħol fil-Kumitati Permanenti tal-Kamra, u Robert Cutajar fisser li wara li għal diversi appelli mill-Oppożizzjoni lill-Gvern ta’ Robert Abela biex tkun estiża u jitwessa’ r-remit tal-Kumitat Permanenti Parlamentari għall-Ambjent, l-Ippjanar u t-Tibdil fil-Klima, l-istess Gvern ta’ Robert Abela baqa’ ma tax widen u hekk l-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq Mozzjoni fil-Parlament biex dan iseħħ.
Filwaqt li sal-lum dan il-Kumitati Permanenti tal-Kamra jista’ jiddiskuti biss prattikament tibdil fil-pjan lokali, din il-Mozzjoni li se titressaq mill-Oppożizzjoni se tkun qed tagħti l-opportunità li kull suġġett jew rapport relatat mal-ippjanar, ambjent jew tibdil fil-klima jista’ jitla’ għad-diskussjoni quddiem l-istess Kumitati Permanenti tal-Kamra. Din hi Mozzjoni li se tkun tfisser li dan il-Kumitat ma jibqax regolat bil-Liġi iżda jkun rikonoxxut bl-Istanding Orders bħal fil-maġġoranza tal-Kumitati Parlamentari eżistenti.
Robert Cutajar enfasizza li għall-Oppożizzjoni mhux aċċettabbli li temi daqshekk importanti li qegħdin iħallu impatt daqstant negattivi fuq il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi ma jistgħux jiġu diskussi. Il-Gvern ta’ Robert Abela bħal donnu komdu li jħalli kollox kif inhu u jħalli ’l boghod kemm jista’ jkun li dawn it-temi jkunu b’mod aktar spiss fuq l-aġenda Parlamentari.
Hu qal li l-Oppożizzjoni tittama li l-Gvern ta’ Robert Abela ma jibqax ikaxkar saqajh biex din il-Mozzjoni biex hekk tkun diskussa u approvata b’urġenza quddiem il-Parlament u b’hekk dan il-Kumitat Parlamentari jkun jista’ jiltaqa’ ferm aktar regolari u jiddiskuti temi importanti.
Sa issa f’din il-legiżlatura, dan il-Kumitat Parlamentari ltaqa’ tliet darbiet biex iddiskuta rapporti tal-Awtorità tal-Ippjanar – darba dwar il-pjan lokali, darba oħra dwar ċimiterji u darba oħra dwar id-diklassifikazzjoni tad-dominju pubbliku.
Robert Cutajar staqsa kif jista’ jkun li l-Parlament Malti f’Kumitat Parlamentari ma jistax jiddiskuti sfidi ewlenin li għandu pajjiżna bħal mhuma dawk tal-ambjent u t-tibdil fil-klima? Għall-Oppożizzjoni dan mhux aċċettabbli.
Mistoqsi dwar l-attitudni ta’ ċerti Ministri li jaċċellaw fl-arroganza, Robert Cutajar qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tittama li l-Gvern ta’ Robert Abela u l-Ministri tiegħu jibdlu l-attitudni u l-mod kif jieħdu l-ħin allokat għad-domandi parlamentari.
Sfortunarament ċerti Ministri jħossuhom komdi jinsulentaw l-intelliġenza tan-nies bil-mod kif jippruvaw jaħarbu milli jwieġbu għall-Mistoqsijiet Parlamentari li jsirulhom kif, wara kollox, huma obbligati li jagħmlu. Żgur li l-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż jixraqilha ferm u ferm aħjar.
Mistoqsi dwar ħidmet il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista matul il-ġimgħat tas-sajf li għadda, Robert Cutajar qal li filwaqt li matul ix-xhur tas-sajf il-Grupp Parlamentari ltaqa’ diversi drabi, l-istess Deputati Nazzjonalisti issa huma ppreparati biex ikomplu bil-ħidma Parlamentari effettiva tagħhom skont id-dekasteri fdati lilhom mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.
“Aħna lkoll nifhmu l-punt ferm importanti li minkejja li ninsabu fl-Oppożizzjoni, xorta waħda nistghu nagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Din il-ħidma tvarja b’sehem dirett u attiv fil-Kumitati Parlamentari, fil-plenarja waqt id-diskussjonijiet fuq il-liġijiet li jitressqu, fil-ħin tal-Mistoqsijiet Parlamentari kif ukoll billi nkunu preżenti fid-delegazzjonijiet li minn żmien għal żmien jattendu f’laqgħat barra minn xtutna.
“Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ determinat li permezz tal-Kap u tad-Deputati tiegħu nkomplu nkunu viċin in-nies kif ukoll billi nibqgħu nkunu l-vuċi u t-tarka tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Dan jibqa’ l-obbligu u d-dover ewlieni tagħna bħala rappreżentanti tan-nies,” temm Robert Cutajar.
//= $special ?>