Eluf ta’ nies, ħarġu jipprotestaw dwar ‘id-dritt bażiku u kostituzzjonali’ ta’ kull ċittadin għal akkommodazzjoni diċenti. Il-protesti, organizzati mill-gruppi tas-soċjetà ċivili, saru f’Lisbona u 24 bliet oħra tal-pajjiż – b’din tkun it-tieni dimostrazzjoni ta’ din is-sena favur il-housing affordabbli.
Dejjem aktar Portugiżi, inklużi l-klassi tan-nofs, qed isibuha kważi impossibbli li jidħlu fis-suq tal-proprjetà fost il-prezzijiet tal-kiri u għax-xiri tad-djar li qed jogħlew b’mod konsistenti.
Il-Gvern Soċjalista Portugiż kien żvela pakkett tal-miżuri biex jindirizza l-problema tal-housing, iżda l-maġġoranza taċ-ċittadini qed jaqblu li l-miżuri ma jindirizzawx l-issues fil-qalba tal-problema – inkella l-kwistjonijiet strutturali li qed jaffettwaw il-ħajja ta’ daqstant eluf ta’ residenti fl-ibliet prinċipali tal-Portugall.
Dan waqt li l-klassi tan-nofs u l-ifqar faxxex tas-soċjetà mistennija jkomplu jiffaċċjaw il-‘kriżi tal-housing’ minħabba nuqqas ta’ viżjoni min-naħa tal-Gvern Soċjalista taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Antonio Costa.
Il-prezzijiet tal-kiri u r-rati tal-interessi fuq il-proprjetà qed iħallu impatt kbir fuq is-‘spending power’tal-familji – b’diversi fatturi, fosthom l-influss tal-investituri barranin u t-turisti li qed ifittxu l-kirjiet għal żmien temporanju, iżidu mal-problemi għall-ħaddiema Portugiżi.
Il-Portugall ilu żmien jinsisti għal investiment minn barra waqt li qed jixpruna ekonomija bażata fuq is-salarji baxxi – u bil-prezzijiet tad-djar fil-pajjiż jisparaw ‘il fuq b’157 fil-mija bejn l-2020 u l-2021.
//= $special ?>