Ejjew żuruna, iddiskutu magħna u għajnuna bl-aħjar mod li tistgħu – Michael Piccinino, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Il-PN jemmen fil-ġenerożità tal-poplu li jagħti mill-qalb għall-ġlieda u l-ħidma li qiegħed jagħmel il-PN biex ikun jista’ jwassal il-messaġġ bl-aktar mod effettiv possibbli.
“Il-Partit Nazzjonalista se jkompli għaddej bil-ħidma sfieqa tiegħu – dik li jwassal messaġġ effettiv lill-poplu Malti u Għawdxi li jixraqlu ħajja aħjar f’pajjiżna; li jixraqlu jgħix f’pajjiż fejn ikollu s-serħan tal-moħħ u mhux it-taqtigħ tal-qalb.
“Hu għalhekk li għal darba oħra l-Partit Nazzjonalista llum se jkun qiegħed jorganizza maratona ta’ ġbir ta’ fondi biex bis-sehem ta’ kulħadd inkomplu naħdmu u nwasslu l-viżjoni u l-messaġġ tagħna, filwaqt li nikxfu l-inganni ta’ Robert Abela u l-Gvern tiegħu li mhux veru għandhom għal qalbhom il-veru interessi ġenwini tal-Maltin u l-Għawdxin.
“Għalhekk l-istedina hi għal kulħadd – ejjew illum bi ħġarkom id-Dar Ċentrali biex iżżuruna u tiltaqgħu magħna. Biex flimkien nitkellmu għaliex pajjiżna jixraqlu futur aħjar; għaliex aħna lkoll jixirqilna futur aktar san; u għaliex lil uliedna nixtiquhom jibqgħu jgħixu f’artna u mhux jitbiegħdu minna minħabba Gvern li fid-deċiżjonijiet tiegħu jispikkaw ir-rovina ambjentali ta’ pajjiżna, il-polarizzazzjoni u d-diskriminazzjoni, l-għoli tal-ħajja, il-qtugħ tad-dawl, it-telqa u l-iskart kullimkien, it-traffiku tal-biża’ u l-popolazzjoni esaġerata li hawn madwarna.”
Dan il-messaġġ effettivament qawwi tennieh Michael Piccinino, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, meta f’dawn il-jiem tkellimt miegħu mhux biss dwar il-maratona ġbir ta’ fondi b’risq il-PN li se tkun qegħda tiġi organizzata llum, imma anki dwar il-festi tal-Indipendenza li għadhom kif kienu organizzati mill-PN biex kien ċelebrat id-59 anniversarju minn dik il-ġrajja storika.
Hu qal li l-attivitajiet organizzati mill-PN fl-okkażjoni tal-festi tal-Indipendenza wrew li l-PN hu viċin tan-nies u li kapaċi jwassal il-vuċi tiegħu, aktar u aktar issa li resqin lejn l-elezzjonijiet ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla fejn il-PN hu determinat li jagħmel kampanja serja kemm fuq livell ta’ Parlament Ewropew u anki fuq livell ta’ Kunsilli Lokali.
Fil-fatt il-PN diġà approva seba’ kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u mal-mitejn kandidat għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Hu qal li meta hu jħares lura lejn dawn l-attivitajiet li organizza l-PN b’rabta mal-festi tal-Indipendenza, jislet diversi punti pożittivi kemm fuq livell ta’ organizzazzjoni kif ukoll fuq livell ta’ parteċipazzjoni min-nies li attendew bi ħġarhom għat-tlett ijiem tal-attivitajiet li laħqu l-qofol tagħhom bil-mass meeting indirizzat mill-Kap tal-PN Bernard Grech.
L-organizzazzjoni għal dawn l-attivitajiet kienet ilha għaddejja bosta xhur u l-PN ried li jagħmel l-almu tiegħu biex jilħaq firxa kbira ta’ nies. Dawn l-attivitajiet servew biex għall-ewwel darba wara numru ta’ snin, firxa kbira ta’ nies inġabret flimkien biex tiċċelebra din il-ġrajja storika; ċelebrazzjoni li saret fl-isfond ta’ diskussjonijiet politiċi iżda anki fl-ambitu ta’ attivitajiet ta’ divertiment. Kien organizzat ukoll il-Festival Kanzunetta Indipendenza, ir-Rotta tal-Arti u anki attivitajiet sportivi.
Kienu ljieli sajfin sbieħ li fihom il-PN wassal b’suċċess il-messaġġ politiku bl-aktar mod effettiv u sabiħ… esperjenza li fil-verità kienet ilha ma tinħass. Bir-raġun kollu li t-Tmexxija tal-PN tkun kburija u kuntenta għal dawn il-miri milħuqa iżda l-ħidma se tkompli u se tiżdied biex il-PN jissokta jkun viċin il-poplu b’aktar attivitajiet u skont ma jkun meħtieġ mill-pajjiż.
Michael Piccinino kompla li forsi kien hemm min kien xi ftit xettiku għall-fatt li l-pjazza magħżula għal dawn l-attivitajiet kienet Pjazza Tritoni li hi waħda kbira. Iżda grazzi għall-ħidma li saret minn ħafna, dawn l-attivitajiet irnexxew u wriet ukoll li l-PN għadu partit b’saħħtu u għadu kapaċi jwassal il-messaġġ b’mod qawwi.
Mistoqsi dwar jekk żmien l-attivitajiet tal-massa spiċċawx jew għaddiex żmienhom, is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal li hu jemmen li hemm żmien għal kollox u waqt għal kollox. L-attivitajiet tal-Indipendenza wrew li l-poplu għadu jixtieq li dakinhar joħroġ fit-toroq u jiċċelebra b’mod kollettiv din il-ġrajja storika. Iva hu sabiħ ħafna li d-Deputati, il-Kandidati u l-uffiċjali tal-Partit iħeġġu lin-nies biex jiċċelebraw flimkien dan il-jum storiku… apparti mill-importanza tal-kuntatt dirett man-nies li hu ferm importanti.
Mistoqsi dwar id-diskors tiegħu dakinhar tal-mass meeting, Michael Piccinoni qal li hu jemmen li l-PN għandu jkompli jibni lilu nnifsu biex tassew ikun gvern alternattiv u xieraq mhux biss għal pajjiżna, iżda wkoll għall-poplu Malti u Għawdxi li jixirqilhom l-aqwa u l-aħjar. Hu għalhekk li l-PN qiegħed jaħdem biex ikompli jsaħħaħ lilu nnifsu u jkompli jieħu dawk l-inizjattivi li jkun hemm bżonn biex dan il-Gvern ma jkomplix jirrombla fuq il-Maltin u l-Għawdxin.
Fil-fatt fil-jiem li ġejjin il-PN se jkun qiegħed iniedi l-viżjoni ekonomika għal pajjiżna. Il-PN jaf x’inhi t-triq ’il quddiem għal pajjiżna u għalhekk qiegħed jitkellem dwar liema toroq għandu jaqbad jekk tassew irid li l-poplu jkun fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni politika li tittieħed.
Meta pajjiżna kien għaddej minn kriżi tal-provista tal-elettriku, il-PN tkellem u offra s-soluzzjonijiet. Meta kien għaddej minn kriżi dwar il-ġbir tal-iskart u t-telqa f’pajjiżna, il-PN tkellem u offra viżjoni biex l-affarijiet jitjiebu. Quddiem il-problema serja tal-għoli tal-ħajja, filwaqt li l-Ministru tal-Finanzi ammetta li ma jista’ jagħmel xejn aktar, il-PN fassal politika b’għadd ta’ proposti konkreti biex is-sitwazzjoni tkun kontrollata.
Fi ftit kliem, kompla Michael Piccinino, il-PN qiegħed ikun ċar fil-politika tiegħu u qiegħed jindika liema huma dawk it-toroq li pajjiżna għandu jaqbad kemm-il darba tassew wieħed irid l-aqwa u l-aħjar għall-poplu.
Mistoqsi dwar il-problema finanzjarja biex jitwassal il-messaġġ fil-konfront ta’ Gvern li m’għandu l-ebda problema ta’ finanzi għax juża flus mit-taxxi tagħna biex iwasal il-messaġġ tal-Partit Laburista, Michael Piccinino spjega li hu minnu li l-PN għandu limitazzjonijiet finanzjarji kbar filwaqt li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu bir bla qiegħ biex jonfoq kemm irid biex iwassal il-messaġġ tiegħu – xi ħaġa li se terġa’ tkun ripetuta fil-Baġit li ġej fejn il-Gvern ta’ Robert Abela mhu se jiddejjaq xejn milli jonfoq ammonti kbar ta’ flus biex jipprova jimmanipula l-opinjoni pubblika skont l-aġenda tiegħu.
Iżda l-PN mhux se jaqta’ qalbu u se jissokta jaħdem bla heda biex iwassal il-messaġġ tiegħu. Il-PN jemmen fil-ġenerożità tal-poplu li jagħti mill-qalb għall-ġlieda u l-ħidma li qiegħed jagħmel il-PN biex ikun jista’ jwassal il-messaġġ tiegħu bl-aktar mod effettiv possibbli.
Il-PN mhux se jaqta’ qalbu li l-Gvern ta’ Robert Abela ħataf lill-istazzjon Nazzjonali u li jipprova jixtri midja oħra grazzi għar-reklamar. Il-PN se jkompli jkun viċin tan-nies u se jagħmel ħiltu kollha biex jaħdem u jwassal il-vuċi tiegħu… grazzi wkoll għall-iskeda li l-istazzjonijiet tal-PN se jkunu qegħdin jimbarkaw fuqha minn għada.
Il-PN se jibqa’ jinvesti b’kull mod possibbli dment li hemm tħabbat il-qalb tal-partitarji li jixtiequ jkomplu jaraw lill-PN jissokta jikber u jissaħħaħ, temm Michael Piccinino.
//= $special ?>