Partit populista b’simpatiji mar-Russja rebaħ l-elezzjoni għall-Parlament ta’ Bratislava u issa nfetħet possibbiltà kbira li s-Slovakkja ma tkomplix tipprovdi appoġġ militari lill-Ukrajna li qed tikkumbatti mat-truppi Russi f’artha.
Il-Partit rebbieħ, bl-isem Smer-SSD, hu mmexxi mill-eks Prim Ministru Slovakk Robert Fico li kiseb 24 fil-mija tal-vot u li issa għandu jaħdem lejn koalizzjoni li se tmexxi lill-pajjiż għas-snin li ġejjin. Fico kien imġiegħel jirriżenja minn Prim Ministru wara l-omiċidju tal-ġurnalist investigattiv Jan Kuciak, fl-2018.
Intant, il-Partit Progressiv liberali tas-Slovakkja kiseb 17 fil-mija tal-vot u dan hu diżappunt partikulari għalihom wara l-exit polls għall-bidu, kienu indikaw rebħa għalihom. Il-Partit tax-xellug Hlas, li hu favur l-Ewropa, spiċċa t-tielet f’din l-elezzjoni bi 15 fil-mija tal-vot u kapaċi jiddeċiedi proprju min għandu jifforma l-Gvern Slovakk li jmiss.
Il-Kap tal-Hlas, Peter Pellegrini, jinsab miftuħ għal kull possibbiltà u meta Fico jista’ jidħol f’’alleanza ma’ dan il-partit ( li kien infired minn ma’ Smer fl-2020) u l-Partit Nazzjonali tas-Slovakkja li kiseb ħamsa fil-mija tal-vot nazzjonali. Lanqas mhu eskluż li kapaċi jkun hemm sa għaxar partiti fil-Parlament ġdid ta’ Bratislava.
//= $special ?>