Internazzjonali

It-Turkija: Imutu l-aggressuri waqt l-ewwel azzjoni terroristika f’Ankara mill-2016

Il-Gvern tat-Turkija kkundanna bla riservi attakk terroristiku li seħħ quddiem il-bini tal-Ministeru tal-Intern f’Ankara. Il-kelliema għall-amministrazzjoni ħalfu, intant, li l-pajjiż għandu jkompli jistinka sakemm jelimina t-theddida mit-terroristi fil-kapitali u bliet oħrajn.

Ir-rapporti mill-kapitali Torka qalu li żewġ persuni kienu wettqu dan l-attakk, b’wieħed minnhom – x’aktarx li aggressur suwiċida – jitlef ħajtu fl-azzjoni u bl-ieħor jinqatel mill-isparar tal-qawwiet tas-sigurtà fl-inħawi.

L-allegati terroristi kienu użaw vettura kummerċjali għall-attakk, b’aggressur minnhom itajjar l-isplussivi li kellu fuqu wara li hu u sieħbu kienu saqu lejn l-bini tal-Ministeru – u bil-konsegwenza li ndarbu talanqas żewġ uffiċjali tal-pulizija.

L-isplużjoni kienet l-ewwel waħda f’Ankara mill-2016 u bl-awtoritajiet jikkonfermaw li din seħħet ‘anqas minn mil ‘il bogħod’ mill-bini ta-Parlament – fejn id-deputati qed iħejju għall-ewwel seduta wara l-btajjel tas-sajf.

Ħadd ma assuma responsabbiltà għall-isplużjoni, bl-aħħar rapporti jgħidu wkoll li t-terroristi kienu qatlu lis-sid proprju tal-vettura li użaw għall-azzjoni.

Ladarba l-pulizija kontrollaw is-sitwazzjoni, żdiedet il-preżenza tas-sigurtà madwar il-bini tal-Amministrazzjoni u madwar it-toroq li jagħtu għaċ-ċentru ta’ Ankara.

Dan waqt li l-pulizija fil-kapitali wettqu sensiela ta’ splużjonijiet kontrollati għall-pakketti suspettużi li raw fl-inħawi, fost is-suspetti li dawn setgħu kienu bombi.

I