Tislima lill-anzjani f’dan il-jum iddedikat għalihom
Fil-Jum Dinji tal-Anzjani, il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-anzjani kollha ta’ pajjizna u jirringrazzjawhom tal-istorja li kitbu f’pajjizna u tal-kontribut sħiħ li taw u li għadhom qed jagħtu. Kien bl-għaraq, l-isforz u d-dedikazzjoni tagħhom li ġie ffurmat il-pedament ta’ pajjiżna, u għad għandna bżonn l-għarfien u l-għerf tagħhom biex pajjiżna jibqa’ jiżviluppa.
Hekk intqal mid-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici fejn spjegat li sfortunament, f’pajjiżna qed naffaċjaw piżijiet tal-għoli tal-ħajja, fil-prezzijiet ta’ l-ikel u l-mediċini, b’pensjonijiet mhux adekwati u bin-nuqqas kbir tal-Gvern li jinvesti f’servizzi effiċjenti għall-anzjani.
“Qed naraw żidiet qawwija fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali fost l-anzjani tagħna. Il-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ impenjat li jħaddan politika favur anzjanità attiva li permezz tagħha l-anzjani jistgħu jibqgħu attivi anke fid-dinja tax-xogħol wara li jirtiraw. Ser naraw li tiġi indirizzata bis-serjetà l-problema tal-abbuż fuq l-anzjani kif ukoll li jkollna liġijiet adekwati li jipproteġu aktar lill-persuni vulnerabbli.”
Hija saħqet li l-Partit Nazzjonalista huwa impenjat biex nkunu ta’ sostenn ukoll għall-familji tagħhom speċjalment ta’ dawk li jbatu mill-marda tad-dimensja li kulma tmur qiegħda dejjem tiżdied f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista jieħu l-okkażjoni biex isellem ukoll lil min jaħdem f’dan il-qasam għall-impenn u d-dedikazzjoni kbira favur l-anzjani tagħna kif ukoll għall-għaqdiet kollha tal-anzjani li qed ikunu l-vuċi tal-anzjani f’pajjiżna speċjalment ta’ dawk li ma għandhomx min jiddefendihom.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti bil-politika li toffri ħajja aħjar pajjiżna.
//= $special ?>