Il-Gvern Amerikan evita kriżi – fil-forma ta’ shutdown federali – għall-pajjiż wara li s-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington daħlu fi ftehim li jaċċerta għall-finanzjament neċessarju sas-17 ta’ Novembru. L-abbozz, intant, kien iffirmat bħala liġi mill-President Amerikan Joe Biden, ftit minuti biss qabel kellu jiskadi d-deadline għall-ftehim.
Madankollu, l-abbozz jeskludi kwalunkwe għajnuna ġdida lill-Ukrajna u dan qed jitqies bħala daqqa ta’ ħarta lid-Demokratiċi fil-Gvern li kienu qed jinsistu għaliha.
Iżda għalissa, il-pajjiż qed jieħu n-nifs peress li ‘shutdown’ għall-Gvern, fost oħrajn, kien ifisser li għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema federali setgħu jispiċċaw fuq leave sfurzat mingħajr paga – bid-diversi servizzi tal-Gvern jispiċċaw sospiżi.
Kien Kevin McCarthy, is-Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, li ressaq għall-vot il-miżura għall-iffinanzjar temporanju għall-Gvern u li ma timponi l-ebda konċessjonijiet ewlenin għall-infiq bħalma kienu talbu r-Repubblikani tal-Kamra.
//= $special ?>